DISKORS MILL-ONOR. LOUIS DEGUARA, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT IT-TNEDIJA TA’ L-EWWEL PJAN TA’ AZZJONI NAZZJONALI TAS-SAĦĦA U KURA FIT-TUL: PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI – SAN ĠILJAN - 16 TA’ MEJJU 2006
Onorevoli, kollegi, sinjuri
Huwa tassew ta’ pjaċir għalija li qiegħed hawnhekk illum magħkom biex inniedi din il-konferenza konsultattiva dwar is-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul.
Huwa fatt aċċettat kullimkien u minn kulħadd li l-qasam tas-saħħa hu wieħed kumplikat għall-aħħar. Dan il-qasam jingħata prijorità assoluta minn bosta gvernijiet minħabba li jolqot direttament liċ-ċittadini kollha mingħajr distinzjoni ta’ xejn.
Il-fatt li qegħdin ngħixu iktar fit-tul, li sirna iktar infurmati dwar l-aħħar żviluppi u trattamenti mediċi u l-firxa dejjem ikbar ta’ possibilità ta’ investigazzjonijiet u testijiet ġodda, qed iżid dejjem iktar id-domanda għas-servizz. Waqt li kull avvanz fil-mediċina jġib miegħu ukoll titjib sostanzjali, dan qatt ma jwassal għal tnaqqis fl-ispiża. Fil-mediċina, effiċjenza akbar tfisser spiża akbar. Hawn, fil-fatt, qegħdin nitkellmu fuq settur li qiegħed jipperikola s-sostenibiltà tiegħu nnifsu minħabba d-domanda u l-avvanzi kbar li għaddej minnu u ironikament minħabba s-suċċess tiegħu stess. Iżda fit-tiftix għas-sostenibiltà ta’ dan il-qasam irridu nżommu l-ħin kollu quddiem għajnejna li s-saħħa kienet, għada u tibqa’ servizz soċjali.
Dan il-qasam għandu importanza kbira fit-tessut ekonomiku u soċjali ta’ kull pajjiż. Biżżejjed wieħed isemmi li f’pajjiżna madwar 10% tan-nefqa totali tal-gvern tmur għas-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul. Il-politika dwar il-qasam tas-saħħa taqa’ esklussivament taħt ir-responsabilità ta’ kull stat Ewropew. Minkejja dan, l-Unjoni Ewropea għax konxja mill-importanza dejjem tikber ta’ dan is-settur, għall-ewwel darba fir-rapport dwar Strateġiji Nazzjonali għall-inklużjoni u s-sistemi għal protezzjoni soċjali, se tinkludi kapitlu dwar dan il-qasam. Dan il-kapitlu se jitkellem espressament dwar is-servizzi tas-Saħħa u l-Kura fit-tul.
Iżda filwaqt li hu tajjeb li Malta tfassal u tippreżenta l-istrateġiji tagħha lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jintużaw fil-proċess ta’ koordinazzjoni tal-politika fl-oqsma tas-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul, dan l-eżerċizzju għandu valur kbir fih innifsu għalina hawn f’Malta. Sena ilu Malta kienet ġiet mitluba telenka l-isfidi li qiegħda tiffaċċja fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura fit-tul. Jidher ċar li l-Istati Membri fi-ħdan l-Unjoni Ewropea qegħdin jiffaċċjaw l-istess sfidi. Qed isir dejjem aktar u aktar evidenti li l-Unjoni Ewropea ma tistax tilħaq il-miri ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona jekk ma tiffukax fuq l-aspetti soċjali.
Investiment fis-saħħa jissarraf fil-ħolqien tal-ġid, jew kif kien iħobb jgħid il-Kummisarju David Byrne “Health is Wealth”. Dan kull wieħed u waħda minna nafuh mill-esperjenza personali. Aħna l-Maltin aktar inħobbu ngħidu, saħħtek kollox! Hemm relazzjoni qawwija bejn livelli għoljin ta’ saħħa fil-popolazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva fid-dinja tax-xogħol. Din ir-rabta hija fattur ewlieni fl-istrateġija tagħna biex intejbu l-kwalità tal-ħajja u t-tkattir tal-ġid.
Għalhekk għall-Gvern, is-saħħa hija waħda mill-miri prinċipali ta’ l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli. Primarjament aħna nemmnu fil-kunċett ta’ saħħa li tħaddan l-aspetti fiżiċi, psikoloġiċi u soċjali. Nemmnu li n-nies għandhom dritt igawdu l-aħjar saħħa possibbli għall-ikbar tul possibbli f’ħajjithom li kull ma tmur dejjem qed titwal għaliex din tiddetermina l-kwalità tal-ħajja individwali u soċjali. Eżempju tajjeb ta’ kemm hu bżonnjuż li l-poplu tagħna jibqa’ f’saħħtu joħroġ mir-riforma tal-pensjonijiet proposta mill-gvern li taħseb biex persuna tibqa’ taħdem sa l-età ta’ ’l fuq minn sittin sena.
Iżda l-argument ekonomiku li jiġġustifika l-investiment fis-saħħa tal-poplu m’għandux jiġi sottovalutat. Bħal mhu qed jiġri f’pajjiżi oħra, anki iktar sinjuri minna, qatt m’aħna ser ikollna biżżejjed fondi u riżorsi biex inlaħħqu mad-domanda dejjem tiżdied għas-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul. Għalhekk id-deċiżjonijiet dwar l-investiment f’dan is-settur iridu jsiru b’mod għaqli u meqjus sabiex verament jinkisbu r-riżultati mixtieqa, jiġifieri li mhux biss ngħixu aktar, imma ngħixu aħjar.
Hawnhekk nixtieq insemmi punt importanti ħafna. F’Malta bħal f’ħafna pajjiżi oħra s-servizzi ta’ kura tas-saħħa ma jipprovdihomx biss il-gvern imma wkoll il-privat. U hu proprju għalhekk li hemm il-ħtieġa li ninvolvu wkoll is-settur privat fl-eżerċizzju ta’ tfassil ta’ strateġiji nazzjonali. Tinħass ukoll il-ħtieġa li ninvolvu l-partijiet soċjali. Iżda fuq kollox xtaqna ndaħħlu element kemm xejn innovattiv, billi ndaħħlu fid-diskussjoni dawk li jagħmlu użu mis-servizzi tagħna; il-pazjenti. Aħna nafu x-xogħol tagħna lill-pazjent. Għalhekk kull min jaħdem f’dan is-settur irid jifhem li l-pazjent għandu jkun fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna. Għalhekk fil-pjanijiet li nfasslu f’kull livell u f’kull ħin li nagħtu s-servizz għandna dejjem insaqsu mhux biss x’inhu l-aħjar għall-pazjent iżda li l-pazjent, kull pazjent, irid jifhem il-kura li se tingħatalu u jkollu kunsens għad-deċiżjonijiet.
Ngħaddi issa biex ngħid kelmtejn dwar l-iskop tal-konferenza tal-lum u dak li personalment nixtieq li nara jirriżulta minn dan il-proċess. Nibda billi nuri l-apprezzament tiegħi lejkom li ġejtu hawn tiddedikaw parti mill-ħin prezzjuz tagħkom biex tagħtu kontribut fl-ewwel konferenza ta’ din ix-xorta li qatt saret Malta. Okkażjoni li fiha qed jiltaqgħu dawk kollha involuti u interresati f’qasam li hu tant qrib il-poplu. Jien nagħmel ħafna kuraġġ bil-preżenza tagħkom għaliex ninduna kemm hawn minn verament jifhem l-importanza ta’ dan is-settur.
Għandi żewġ appelli għalikom; l-ewwel appell hu, li kollha kemm aħna kemm jista’ ma nħarsux lejn dan is-suġġett bil-lenti dejqa tas-settur biss li nirrapreżentaw. Irridu nagħmlu sforz biex nippruvaw naraw b’mod wiesa’ u ħolistiku l-futur tas-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul. Hija ħaġa naturali li kulħadd ikollu l-angolu u l-perspettiva tiegħu. L-eżerċizzju tal-lum għandu jwassalna biex noħorġu bi proposti li jistgħu jitwettqu.
It-tieni appell tiegħi, hu li nħarsu tassew ’il quddiem, lejn fejn nixtiequ li naslu u mhux noqogħdu b’idejna fuq żaqqna ngergru dwar l-isfidi li qegħdin niffaċċjaw. Fis-soluzzjonijiet li nipproponu, irridu wkoll inżommu saqajna fl-art u niftakru fir-realtajiet ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiżna.
Jiena bl-ebda mod ma ser nipprova ninfluwenza dak li jista’ joħroġ mill-konferenza tal-lum. Kif ser tisimgħu f’aktar dettal min hawn u ftit ieħor, il-qafas tal-pjan ta’ strateġija jistrieħ fuq tliet pilastri li huma l-kwalità, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà. Però dawn, mhux l-ewwel darba li nsibuhom jiġbdu lejn direzzjonijiet opposti u għaldaqstant x’imkien irid jinstab il-bilanċ. Li rridu nżommu f’moħħna hu, li l-pazjent irid ikun dejjem u nirrepeti dejjem fiċ-ċentru ta’ kull ħidma tagħna. Il-kuxjenza soċjali li tifforma l-bażi tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-politika tagħna f’dan is-settur tgħinna biex dan il-bilanċ insibuh u kontinwament nuru solidarjetà ma’ kull min hu batut u vulnerabbli.
Il-veduti u l-proposti li ser joħorġu minn din il-Konferenza flimkien ma’ l-istatistika u l-informazzjoni li għandna dwar is-saħħa tal-popolazzjoni Maltija ser jgħinuna nfasslu strateġija nazzjonali mhux biss għas-sentejn li ġejjin imma għal iktar ’il quddiem.
Konvint li għandna bosta servizzi ta’ kura li diġà huma tajbin ħafna u li jħabbtuha sew ma’ ta’ l-aqwa ċentri li jeżistu fl-Ewropa. Bla dubju li l-investiment fl-isptar Mater Dei ser jagħti spinta sabiex il-kwalità tas-servizzi tkompli titjieb. Eżempju ieħor ta’ fejn investejna bil-kbir u fejn ir-riżultati qed jidhru huwa l-qasam tal-Kardjoloġija. Dan għamilnieh għaliex il-mard tal-qalb hu l-aktar kawża komuni ta’ mwiet f’pajjiżna. Dan l-aħħar ħadna wkoll id-deċiżjoni li ninvestu f’apparat ġdid għall-mard tal-kanċer fejn hu maħsub li s-servizzi jibdew jingħataw mill-isptar Zammit Clapp li ser jiġi modernizzat apposta. Madanakollu għad hemm fejn xi servizzi jistgħu jitjiebu jew jingħataw f’ambjent aħjar.
Qegħdin inħarsu bir-reqqa lejn is-sistemi u l-istrutturi li jeżistu bil-għan li niggarantixxu l-kwalità għolja fis-servizzi. Nirrikonoxxu l-importanza li s-settur privat u s-settur pubbliku jkunu sottoposti għall-istess qafas regolatorju li jiggarantixxi s-sigurtà u l-kwalità tajba tas-servizzi ta’ kura. Għal dan l-iskop qegħdin naħdmu fuq abbozz ta’ liġi ġdida għas-servizzi tas-saħħa.
Għandna lista twila ta’ proġetti u inizjattivi li nixtiequ nwettqu. Iżda bħalma tistgħu tobsru dawn kollha jeħtieġu investiment qawwi. Illum irridu nieqfu u b’kuraġġ insaqsu lilna nfusna – nistgħu nwettqu pjan ġdid għas-saħħa u għall-kura fit-tul bis-sistema ta’ finanzjament li teżisti? Wasal iż-żmien li nħarsu b’għajn kritika lejn dak li għamilna sal-lum? Wasal iż-żmien biex naraw x’qiegħed jaħdem tajjeb u x’mhux qed jaħdem daqshekk tajjeb? u għaliex? Irridu nassiguraw li s-sistema tas-saħħa tagħna ser tkun qiegħda tindirizza l-bżonnijiet tal-lum u ta’ għada?
Jien mhux qiegħed nistenna li ser inwieġbu l-mistoqsijiet kollha. Nistenna però li din il-konferenza tagħtina l-opportunità biex flimkien infasslu politika aġġornata għas-servizzi tas-saħħa u politika ġdida għall-qasam tal-kura fit-tul. Għalkemm l-istrateġija għandha tiffoka fuq is-sentejn li ġejjin, l-azzjonijiet tagħna għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-futur. Biex isir pjan li jaħseb kemm xejn ’il quddiem, bla dubju li hemm bżonn li l-politiċi jaqblu fuq il-miri globali. Jien nemmen li s-settur tas-saħħa huwa wisq importanti biex jitħalla jsir ballun fil-kamp politiku. Kien appuntu għalhekk li xtaqt li l-Oppożizzjoni jkollha kull ċans li tipparteċipa llum biex issegwi mill-qrib id-diskussjonijiet u tagħti l-veduti tagħha. Għaldaqstant jiena tassew kuntent li l-Oppożizzjoni laqgħet l-istedina tiegħi u nirringrazzjahom.
Fl-aħħarnett ippermettuli nagħmel xi ringrazzjamenti. Nibda billi nirringrazzja lis-Segretarju Permanenti s-Sur Frank Mifsud, li qiegħed isegwi dan l-eżerċizzju mill-qrib u b’impenn. Ngħaddi biex nirringrazzja lill-Kumitat li waqqafna fi ħdan il-Ministeru mmexxi minn Dr Natasha Azzopardi Muscat, li qiegħed jieħu ħsieb tal-proċess konsultattiv kollu u li daħal għal din l-isfida b’enerġija w entużjażmu. Nirringrazzja minn qalbi lil dawk il-persuni kollha li mexxew jew taw sehemhom fil-focus groups u li dawk li ser imexxu l-workshops tal-lum. Fl-aħħarnett nirringrazzjakom tal-parteċipazzjoni tagħkom u nispera li dan il-proċess li qegħdin inniedu llum jiżviluppa fid-djalogu kontinwu fil-mixja tagħna biex nippjanaw u nevalwaw il-politika fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura fit-tul sabiex din tagħti l-frott mistħoqq lil poplu Malti kollu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958