Jitħabbar proċess ta’ rationalisation ta’ l-iskemi ta’ l-iżvilupp
Il-Kabinett tal-Ministri qabel fuq proċess li jirrigwarda tibdil, jew aħjar rationalisation li hemm bżonn li jsir fil-konfini ta’ l-iżvilupp. Rationalisation huwa proċess li permezz tiegħu, żoni li bħalissa mhumiex fil-konfini ta’ l-iżvilupp u li huma mdawra sew bl-iżvilupp, partikolarment meta l-art mhix tajba għall-biedja, jkunu kkunsidrati għall-iżvilupp.
Dettalji dwar dan il-proċess ingħataw mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet.
Il-Ministru Pullicino ta ħarsa kronoloġika lejn il-fatti minn meta l-Gvern kien niehda t-Temporary Provisions Schemes fl-1988 fi sforz biex iwaqqaf l-emoraġija ta’ l-art li kienet qed tittieħed mingħajr ebda kontroll. Il-Gvern fehem li dan il-proċess ta’ malajr seta’ jħalli xi riperkussjonijiet jew anomaliji u għalhekk saħaq fuq il-fatt li dawn kienu ta’ natura temporanja, bil-ħsieb li jkunu riveduti u wara jsiru permanenti.
L-Onor. Pullicino qal li bit-twaqqif ta’ l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar fl-1992 u bil-ħidma li bdiet issir fuq il-Pjanijiet Lokali, beda joħroġ ċar li ma kenitx qed issir rationalisation abbażi ta’ dak li kien ilu jingħad li fil-proċess kollu kellhom ikunu kkunsidrati l-pockets li rriżultaw mill-iskemi proviżorji.
Hu tenna li l-Gvern jirrikonoxxi li hemm żoni biżżejjed fl-iskemi ta’ l-iżvilupp li huma suffiċjenti biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-pajjiż għas-snin li ġejjin iżda saħaq li apparti l-issue ta’ rationalisation, huwa importanti li wieħed għandu jifhem ukoll il-kuntest ta’ ġustizzja u kunsiderazzjonijiet soċjali oħrajn li l-Gvern għandu d-dmir li jikkunsidra u dan fl-aħjar interess tal-ġid komuni. Il-Ministru Pullicino qal li kunsiderazzjoni mportanti oħra hi dik ta’ anomaliji li rriżultaw wara li kienu ppublikati l-iskemi temporanji ta’ l-1988, dawk li qed jissejjħu bħala pockets jew infill gaps.
L-Onor. George Pullicino qal li din hi materja sensittiva ferm għaliex dak li hu pocket għal individwu jista’ jkun differenti għal individwu ieħor. Kien għalhekk pass għaqli li l-Kabinett joħloq riga konsistenti, li tindirizza dawn il-kwistjonijiet u toħloq proċess aktar ekwu u ġust. Id-dokument maqbul mill-Kabinett għandu l-intenzjoni li jipprovdi l-kriterji jew din il-miżura ta’ qies li fuqha jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar żoni ta’ żvilupp.
Hu tenna li l-kriterji jinkludu wkoll kunsiderazzjonijiet ambjentali biex l-impatt fuq l-ambjent ikun l-anqas possibbli. Permezz ta’ dawn il-kriterji l-ebda sit b’valur ekoloġiku importanti jew sensittiv, jew l-ebda sit li jinsab fuq raba’ saqwi mhu se jidħol fil-konfini l-ġodda. Pullicino spjega li kien hemm differenza fil-kriterji li ġew stabbiliti bejn Malta u Għawdex li tirriżulta mill-mod kif dawn iż-żewġ realtajiet evolvew matul is-snin.
Hu fakkar li fil-każ t’Għawdex, li kieku kellhom ikunu aċċettati t-talbiet kollha li saru, iż-żona ta’ żvilupp tkun tlaħħaq area li hi kbira 15-il darba daqs Marsalforn.
Il-Ministru Pullicino sostna li l-Kabinett qabel ukoll fuq xi eċċezzjonijiet oħra għal dawn il-kriterji bħall-kwistjoni ta’ multi-ownership fejn art li għalkemm ma kenitx fiż-żona ta’ l-iżvilupp xorta tqassmet fi plots u ġiet mibjugħa lil individwi. Hu saħaq li mhux it-talbiet kollha fejn l-art kienet tqassmet fi plots qabel l-1988 u wara tħalliet barra ż-żona ta’ żvilupp issa ġew aċċettati. Dan sar għax il-Gvern dehrlu li dawn huma siti sensittivi mil-lat ambjentali.
L-Onor. Pullicino tenna li skond kalkoli preliminari li saru, b’dak li ddeċieda l-Kabinett, hu kkalkulat li 10% biss mill-art li ntalbet biex tidħol, għandha tiġi nkluża fiż-żona ta’ żvilupp bil-kriterji stabbiliti. Bit-tibdil maqbul mill-Kabinett, il-konfini ta’ l-iżvilupp f’Malta hu kkalkulat li se jiżdiedu bi 2.4% ta’ dak li llum diġa’ huwa fiż-żona ta’ żvilupp. Irid jingħad li effettivament l-art għall-bini lanqas mhi se tiżdied b’dan l-ammont. Dawn it-2.4% jinkludu wkoll toroq li jridu jsiru, art li diġa’ hi mibnija, art tal-Gvern kif ukoll xi art li hi maħsuba li tintuża biex fuqha jsiru spazji pubbliċi miftuħa.
Hu ħabbar li l-Kabinett qabel fuq numru ta’ deċiżjonijiet oħrajn, ewlenin fosthom huma li:
· l-Kabinett jaqbel mal-prinċipju li kemm jista’ jkun kull żvilupp ġdid isir f’żoni fejn fihom diġa’ hemm żvilupp u dan biex jonqos it-teħid ta’ art addizzjonali;
· l-Kabinett jaqbel li l-Gvern jintrabat li jikkometti ruħu għax-xogħlijiet meħtieġa u jiġu pproċessati l-permessi hekk kif jintlaħaq 80% ta’ l-ispejjeż dovuti għal dik iż-żona u li jkun hemm mekkaniżmu biex jingħelbu problemi li kien hemm fil-passat fosthom ta’ infrastruttura
· għalhekk f’dawn is-siti s-sidien iridu jħallsu l-kontribuzzjoni kollha dovuta magħrufa bħala Infrastructure Service Charge;
· l-Kabinett jaqbel fuq it-twaqqif ta’ Kummissjoni biex tisma’ ilmenti dwar ċertu każijiet li jistgħu jirriżultaw minn dawn il-konfini l-ġodda wara li l-Parlament japprova l-konfini l-ġodda.
Il-Ministru Pullicino qal li dan hu l-ewwel tibdil fil-konfini ta’ l-iżvilupp mill-1988 ‘il hawn. Dan it-tibdil għandu jorbot għal 10 snin li ġejjin. Hu qal li b’hekk dan se jkun l-uniku tibdil fil-konfini ta’ l-iżvilupp fi kważi 30 sena u kull argument jew diskussjoni għandhom isiru f’dan il-kuntest.
Hu qal li l-kriterji ġew komunikati lill-MEPA u wara li jkunu diskussi mill-Bord, il-konfini l-ġodda proposti jkunu ppublikati l-ġimgħa d-dieħla għal konsultazzjoni pubblika ta’ sitt ġimgħat.
Il-Ministru George Pullicino temm billi appella biex din l-issue ma ssirx ballun politiku imma kulħadd jagħraf li dak li tħabbar illum huwa l-frott ta’ proċess diffiċli li jrid isib bilanċ ġust bejn kunsiderazzjonijiet soċjali u ħarsien ambjentali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958