“The Malta Television Awards”
Biex jiġu ppremjati dawk il-Maltin li matul is-sena juru kreattivita’, talent u ħila, u biex ikun hemm livell Malti li jkunu jistgħu jaspiraw għalih żgħażagħ li għandhom sens ta’ professjonalità fil-qasam televiżiv, qed jitwaqqaf l-ewwel “Malta Television Awards” li se jkunu ppreżentati mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech waqt “Awards Night” li ser isir fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran nhar is-Sibt 16 ta’ Settembru.
“The Malta Television Awards” se jinqasam fuq erba’ tappi: it-tnedija tiegħu l-lum; il-jum tal-għeluq għas-sottomissjonijiet fil-21 ta’ Lulju; il-Lejla tan-Nominazzjonijiet fil-25 ta’ Awissu u l-għoti ta’ l-‘awards’ fis-16 ta’ Settembru.
L-‘awards’ se jinġabru taħt tliet kategoriji: programmar; performance; teknika u kreattivita’.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li bħala Ministru responsabbli mill-politika dwar ix-xandir u għalhekk mill-finanzjament li l-Gvern jagħti għal programmi taħt l-‘extended public service obligation’ (EPSO), kien ta’ pjaċir għalih jappoġġja inizjattivi li jirrikonoxxu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-Maltin fil-qasam televisiv li llum hu wieħed mill-akbar mezzi ta’ komunikazzjoni, divertiment u pubbliċità.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li tul is-snin li t-televiżjoni daħal f’pajjiżna l-Maltin għamlu progress kbir sew f’dik li hi kreattivita’ kif ukoll f’dik li hi kwalita’ u preżentazzjoni. Hu qal li l-Ministeru tiegħu, permezz tal-fondi li jingħataw taħt l-EPSO, kien qed jikkontribwixxi biex tikber u titjieb il-kwalita’ tal-programmi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura żied iżda li s’issa ma kienx hemm kejl biex jiġu ppremjati dawk li jiddistingwu rwieħhom fil-kreattivita’, talent u ħila. Hu qal li l-‘Malta Television Awards’ kienu se jimlew vojt li issa ilu jeżisti apparti mill-‘awards’ li fil-passat kienu jingħataw mill-Awtorità tax-Xandir.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawn il-awards kienu se jonoraw u jippremjaw sena ta’ eċċellenza fil-qasam televiżiv. Hu qal li dawn kienu se jippremjaw lil dawk il-programmi, preżentaturi, atturi, diretturi, edituri u ‘players’ oħra fil-qasam televiżiv li jkunu ddistingwew lilhom infushom matul is-sena li għall-iskop ta’ dan il-award tiġbor il-programmi kollha mxandra bejn l-1 ta’ Lulju 2005 u t-30 ta’ Ġunju ta’ din is-sena.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih jinnota li wieħed mill-awards “The Charles Arrigo Lifetime Achievement Award” kien se jonora u jfakkar persuna li tant kkontribwiet għall-qasam televiżiv. Hu qal li dan il-award se jingħata lil min jiddistingwi lilu nnifsu għal xi kontribut partikolari fil-qasam televiżiv. Hu qal li kien jemmen li l-organizzaturi ta’ dan il-award kienu joffru garanzija li l-‘Malta Television Awards’ kienu se jkunu ta’ l-ogħla kwalita’ u li kollox kien se jitwettaq bl-akbar serjeta’.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lill-promoturi tal-‘Malta Television Awards’ u appella lill-kumpanniji tal-produzzjoni, stazzjonijiet tat-televiżjoni, advertisers, personalitajiet u atturi televiżivi biex jagħtu l-appoġġ tagħhom biex dan l-avveniment jkollu l-akbar suċċess.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958