ŻJARA TA’ KORTESIJA LIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI FRANCIS AGIUS MILL-KUMMISSARJU GĦOLI INGLIŻ GĦAL MALTA
Il-Kummissarju Għoli Ingliz għal Malta, Mr Nicholas Archer, dalgħodu għamel żjara ta’ kortesija lis-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Agrikoltura u Sajd, Dr Francis Agius.
Matul din il-laqgħa iż-żewg naħat tkellmu dwar l-għajnuna li r-Renju Unit qed jgħati lis-servizz veterinarju Malti.
Dr Agius spjega kif il-kuntratt tal-proġett ‘twinning full’ ġie ffirmat ftit tal-ġimghat ilu u diġa` bdiet il-ħidma meħtiega. Il-proġett li jiswa miljun ewro u huwa kollu kemm hu ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Esperti veterinarji mir-Renju Unit se jaħdmu mal-kollegi tagħhom Maltin biex imexxu korsijiet ta' taħrig, jippreparaw u jsaħħu proċeduri standard għall-operat ta’ attivitajiet regolatorji u jiggwidaw l-industrija tal-bhejjem. Uffiċjali Maltin ser jagħmlu ukoll żjarat ta' studju fir-Renju Unit.
Il-proġett ser jindirizza ħames attivitajiet importanti u speċifici ta' regolamentazzjoni:
• Trattament xieraq ta' l-annimali biex jiġi żgurat li l-livelli meħtieġa ta' trattament xieraq ta' l-annimali jinżammu mill-bdiewa u mir-raħħala li jrabbu baqar, nagħag, mogħoz, majjali u tiġieġ, kif ukoll dawk li jġorru annimali, operaturi ta' biċċeriji u sidien ta' annimali domestiċi (pets).
• Mediċini Veterinarji biex jippermettu lid-Diviżjoni ta’ l-Ikel u l-Attivita` Veterinarja ssaħħaħ il-kontrolli tagħha fuq l-importazzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu ta' mediċinali veterinarji.
• Produzzjoni tal-Ħalib biex jiġi zgurat li l-produtturi tal-ħalib ikomplu jsaħħu l-livelli ta' iġjene u nutrizzjoni.
• Għalf ta' l-Annimali biex id-Diviżjoni ta’ l-Ikel u l-Attivita` Veterinarja tkun tista' tiżgura li l-manifatturi u d-distributuri kollha ta' l-għalf ta' l-annimali jżommu l-livelli ta' iġjene, sigurta` u kwalita` skond kif stipulat mil-leġiżlazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.
• Biċċeriji tat-Tjur biex jiġi żgurat li l-biċċeriji kollha li diġa` huma approvati f' Malta u f’Għawdex iżommu l-livelli meħtiega għas-sigurta` ta' l-ikel, il-kontroll tat-tixrid tal-mard ta' l-annimali u t-trattament xieraq ta ' l-annimali.
Dr Agius enfasizza li d-Divizjoni ta’ l-Ikel u l-Attivita` Veterinarja m'għandhiex biss ir-responsabbilita` li tinforza l-konformita` mar-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea, izda anki biex tiżgura li s-setturi kollha ta' l-industrija jifhmu x'jenħtieġu minnhom ir-regolamenti u biex tipprovdilhom għajnuna teknika għal dawn l-għanijiet. Meta jkun qed isir dan, inkunu wkoll qed nieħdu ħsieb is-saħħa tal-konsumatur.
Dan il-proġett għaldaqstant ser iħarreg mhux biss lill-impjegati tad-Divizjoni ta’ l-Ikel u l-Attivita` Veterinarja, izda anke raħħala, għaqdiet mhux governattivi, proċessuri ta' prodotti ta' l-annimali u dawk li jfornu għalf u mediċini ta' l-annimali, temm jgħid Dr Agius.
Da parti tiegħu, il-Kummissarju Għoli Ingliż sostna li r-Renju Unit ser ikompli jgħin lil Malta kif għamel fil-passat fejn tidħol l-Agrikoltura u servizzi veterinarji.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958