Jiġi ċċelebrat Jum l-Omm fost l-Anzjani
L-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, is-Sinjura Mary Fenech Adami u s-Sinjura Kate Gonzi flimkien ma’ diriġenti ta’ Unions li b’xi mod huma konnessi mal-ħidma relatata mal-qasam ta’ l-anzjani, qassmu rigali lir-residenti nisa fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm.
Fost id-diriġenti tal-Unions li attendew għal din l-attivita’ kien hemm Rudolph Cini u Colin Galea mill-MUMN, Dr David Cassar mill-Maltese Psychiatric Association, Gejtu Tanti mill-UHM, is-Sur Tony Zarb u Saviour Sammut mill-GWU.
Is-Sinjura D’Amato f’kelmtejn li għamlet saħqet dwar l-importanza li niċċelebraw dan il-Jum kemm f’San Vinċenz kif ukoll fid-Djar Residenzjali li hawn imxerrda madwar Malta. Hija qalet li “s-soċjeta’ kollha għandha tkun rikonoxxenti lejn dawn l-anzjani li kkontribwew snin twal ta’ ħidma lejn il-familji tagħhom”.
Is-Sinjura D’Amato kompliet tgħid li “dan il-jum inissel fija emozjonijiet differenti. Il-ħsibijiet tiegħi llum imorru wkoll lejn:
· nisa li għandhom problemi ta’ fertilita’,
· nisa li tilfu lil uliedhom, kif ukoll
· nisa li ma jarawx rispett minn uliedhom speċjalment jekk dawn huma anzjani.
· foster mothers li jilqgħu fil-familji tagħhom tfal li jsibu ruħhom f’diffikultajiet fil-familji naturali tagħhom
· tant sorijiet li taw ħajjithom għal ħajja reliġjuża u li kienu sostituti ta’ l-omm naturali għal bosta tfal u żagħżagħ.
F’din l-okkażjoni nixtieq nappella lill-ulied kollha li għalkemm ir-rispett lejn l-omm għandu jintwera matul il-jiem kollha tas-sena, madankollu dawn għandhom jieħdu din l-okkażjoni u jekk hemm xi differenzi bejnhom u bejn l-ommijiethom tagħhom, jagħmlu l-ewwel pass biex isewwu dawn id-differenzi.
Nappella wkoll lill-ulied biex iżuru lill-ommijiet anzjani li hawn residenti kemm f’San Vinċenz, fid-djar residenzjali kif ukoll fid-djar privati tagħhhom.
Fl-aħħarnett nixtieq nirringrazzja lill-mistednin li laqgħu l-istedina tagħna għal din l-attivita’ tal-lum, kif ukoll lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-qasam ta’ l-anzjani, għax-xogħol u d-dedikazzjoni tagħhom lejn l-anzjani li tant huma għal qalbna”.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958