Jitqassmu l-premjijiet u t-trofej lir-rebbieħa tal-Karnival 2006
Il-Karnival ta’ din is-sena ġie ċċelebrat bejn l-24 u t-28 ta’ Frar, bil-parteċipazzjoni ta’ 37 kumpannija bejn baned, karrijiet trijionfali, maskeruni u kumpaniji bil-kostum.
Nhar il-Erbgħa 1 ta’ Marzu, l-Kummissjoni Nazzjonali tal-Folklor fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, ħabbret ir-riżultati tal-kompetizzjonijiet għall-Karnival ta’ Malta 2006. B’kollox kien hemm 10 konkorsi li tnejn minnhom inqasmu f’żewġ konkorsi oħra filwaqt li tnejn oħra nqasmu fi tliet konkorsi. Minbarra l-premjijiet ingħataw 10 trofej: erba’ għall-aħjar kumpannija f’sezzjonijiet A sa D; wieħed għall-aħjar banda fil-konkors Marċi Grotteski; erba’ għall-aħjar karru trijonfali f’Sezzjonijiet A sa D; u wieħed għall-aħjar sett ta’ maskeruni.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech ippreżenta l-premjijiet u t-trofej lill-kumpanniji rebbieħa. Hu qal li anke din is-sena l-Karnival kien ta’ livell għoli u kien suċċess. Hu qal li l-kumpaniji reġgħu għamlu ħilithom biex il-Karnival ikun wieħed brijuż u biex għall-poplu Malti u t-turisti li jżuruna l-jiem tal-Karnival ikunu jiem ta’ festa u allegrija.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din is-sena ġew organizzati żewġ attivitajiet fuq skala lokali: waħda f’Ħal Qormi b’Mass Band Parade u oħra f’San Ġiljan b’attivita’ għat-tfal. Hu qal li dawn iż-żewġ attivitajiet intlaqgħu tajjeb. Hu appella biex aktar lokalitajiet jorganizzaw attivitajiet karnivaleski fuq bażi lokali billi jikkupjaw lill-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Qormi u San Ġiljan, li b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni Folklor organizzaw dawn l-attivitajiet fil-lokalitajiet tagħhom.
Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-kumpanniji li jipparteċipaw fil-karnival għas-sagrifiċċju li jagħmlu matul is-sena biex jibnu karrijiet artistiċi, maskri u marskeruni. Hu qal li magħhom xtaq jirringrazzja lill-qraba u voluntieri li jagħtuhom daqqa t’id għaliex mingħajr il-koperazzjoni bejn dawn id-dilettanti mimlija talenti, l-Karnival ma jsirx.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura kellu kliem ta’ ringrazzjament għall-isponsors. Hu qal li filwaqt li l-Gvern kien joħroġ il-flus kollha tal-premjijiet u kien jieħu ħsieb l-organizazzjoni tal-Karnival, speċjalment fil-belt Valletta u l-Furjana l-għajnuna finanzjarja li kienu jagħtu dawn l-isponsors kienet importanti u meħtieġa. Hu qal li din is-sena kien hemm 17-il sponsor li bejniethom ikkontribwew aktar minn Lm9,000.
Il-Ministru Zammit Dimech feraħ lil kull min rebaħ premjijiet u trofej fil-Karnival ta’ din is-sena filwaqt li rringrazzja lill-parteċipanti kollha għas-sehem tagħhom biex il-Karnival 2006 seta’ jkun suċċess.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958