Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. TONIO FENECH, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-FINANŻI, WAQT KONFERENZA STAMPA DWAR SKEMA BIEX TINĊENTIVA ORGANIZZAZZJONIJIET VOLONTARJI U INTRAPRIŻI ŻGĦAR BIEX JAGĦMLU BINI EŻISTENTI AKTAR AĊĊESSIBBLI GĦAL KULĦADD

pr0688
Date Icon 10/05/2006

Fid-diskors tal-Budget, il-Prim Ministru ħabbar skema biex tikkonsolida aktar soċjeta inklusiva. Din l-iskema tapplika għal intrapriżi żgħar b’mhux aktar minn 10 impjegati, u għaqdiet mhux governattivi (NGOs). Il-Ministeru tal-Finanzi kkonsulta mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ (KNPD) matul il-proċess kollu li wassal għat-tfassil tal-parametri meħtieġa għall-amministrazzjoni ta’ l-iskema u għall-formola tal-applikazzjoni finali.

Dan huwa pass ieħor tal-Gvern biex b’mod prattiku jimplimenta l-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilita’) (LOI) fejn tidħol l-aċċessibilita’ fiżika. L-ewwel miżura kienet li l-applikanti kollha li kellhom proġett ‘ta’ użu maġġur’, jew modifikazzjoni maġġura, jiġu vvettjati mill-MEPA. It-tieni miżura issa hija li l-Gvern, b’mod tanġibbli, mhux biss jagħmilha ta’ regolatur, imma li jagħti inċentiv lil dawk li għandhom aktar diffikultajiet biex ikunu konformi ma’l-LOI.

B’din l-iskema l-Gvern qed jirrifondi sa massimu ta’ 10% lura fuq l-ispiża għall-installazzjoni ta’ lifts lill-intrapriżi żgħar b’mhux aktar minn 10 impjegati, u għaqdiet mhux governattivi (NGOs).  B’dan il-mod din il-miżura mhux biss qed tgħin biex il-persuni b’diżabilita’ Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jipparteċipaw aktar fil-ħajja ta’ kuljum tas-soċjeta’ tagħna, imma wkoll turi l-impenn tal-Gvern favur l-intrapriżi żgħar u NGOs.

Jekk irridu verament niftħu d-dinja tax-xogħol għall-persuni b’diżabilita’ rridu nagħmlu aktar aċċessibbli l-intrapriżi żgħar, għaliex dawn huma f’maġġoranza u għalhekk għandhom il-potenzjal li jimpjegaw numru ta’ persuni b’diżabilita’. L-istess argument jgħodd fil-konfront tal-ħajja soċjali tal-persuni b’diżabilita’: meta l-binjiet parrokkjali u binjiet ta’ għaqdiet mhux governattivi jsiru aktar aċċessibbli, dan ifisser li s-soċjeta’ ċivili qed issir aktar aċċessibbli.

Tajjeb li wieħed ifakkar li postijiet li nbnew wara l-2000 huma regolati mill-Equal Opportunies (Persons with Disability) Act, 2000. Fil-fatt il-MEPA qeda toħroġ permessi għal żvilupp ta’ bini jekk kemm il-darba jkunu konformi ma’ linji gwida maħruġa taħt dan l-istess Att. Dawn il-linji gwida jirrikjedu li postijiet ġodda, jew bini li jkun se jsirlu xi tibdil strutturali fih, u li fihom il-pubbliku għandu jkollu aċċess, ikunu konformi mal-linji gwida ‘Access for All’ (maħruġin mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità) u jkollhom aċċessibilita totali (full accessibility) għal kulħadd. Bażikament, dan ifisser li binjiet b’aktar minn sular wieħed irid ikollhom installat lift b’aċċess għal wheelchair.

Il-proċess ta’ l-applikazzjoni għal din l-iskema, trid tinkludi mhux biss ċertifikat minn perit li l-installazzjoni tal-lift hija konformi mal-permessi maħruġa mill-MEPA, imma anke konferma mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita (KNPD) li l-lift ġie nstallat skond il-linji gwida msemmija qabel. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi fil-Ministeru tal-Finanzi.

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità wriet sodisfazzjon b’dan il-pass pożittiv. Il-KNPD qalet li din il-miżura għandha jkollha żewġ effetti prinċipali: minn naħa waħda titjib fil-kwalita’ ta’ ħajja tal-persuni b’diżabilita’ individwali, u min-naħa l-oħra, titjib fil-pajjiż kollu, għaliex b’hekk inkunu ħadna pass ieħor sinnifikanti lejn it-twettieq ta’ soċjeta’ inklusiva.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow