STQARRIJA KONĠUNTA MILL-ONOR. AUSTIN GATT, MINISTRU GĦALL-INVESTIMENT, INDUSTRIJA U TEKNOLOĠIJA TA’ L-INFORMATIKA U MILL-ONOR. EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAN-NEGOZJI ZGĦAR U SELF EMPLOYED, DWAR ID-DOKUMENT TAL-LABOUR PARTY DWAR L-INDUSTRIJA
Id-dokument ta’ 15-il faċċata (sebgħa minnhom introduzzjoni) li l-Partit Laburista qed isejjaħ ‘Pjan t’Azzjoni għall-Industrija’ ma jagħmilx suġġeriment wieħed ta’ x’azzjoni għandha tittieħed għall-ġid ta’ l-industrija. Minflok jillimita ruħu għal dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju li fuqhom jaqbel kulħadd u jevita l-kontroversja biex jipprova jogħġob ‘il kulħadd. Minflok, jispiċċa ma jogħġob ‘il ħadd għax ma joffri ebda idea ġdida.
Dan hu dokument fjakk b’kontenut imqanżaħ u mingħajr imqar l-iċken sforz li jippreżenta ideat oriġinali jew alternattiva viabbli għall-politika tal-Gvern. Id-dokument m’għandu ebda forma ta’ analiżi tal-kuntest industrijali internazzjonali jew tal-qagħda ta’ l-industrija llum u ħarsa superfiċjali mgħammda bi preġudizzji politiċi u slogans retoriċi lejn ċifri li min jikkwotahom jidher ċar li ma jifhimhomx.
M’hemm assolutament ebda idea ġdida f’dan id-dokument u ħafna drabi d-dokument jikkopja bla mistħija minn dokumenti tal-Gvern u tal-Malta Enterprise politika eżistenti mingħajr ma jirrikonoxxi s-sors jew mingħajr ma jispjega għalfejn fejn qabel il-Partit Laburista kien tant kritiku għall-politika tal-Gvern, issa addottaha bhallikieku minn dejjem kienet politika tiegħu.
Dan hu dokument li jsejjaħ lilu nnifsu pjan t’azzjoni, iżda la huwa pjan – għax kull ma’ hu, huwa lista ta’ xewqat vagi u dikjarazzjonijiet fil-prinċipju – u lanqas jirrakkomanda azzjonijiet. Kull ma jagħmel hu li jipprova ma jirfes il-kallu ta’ ħadd u jogħġob ‘il kulħadd, billi jtappan is-sewwa magħruf kull fejn jista’. Jiġifieri li n-natura ta’ l-industrija f’Malta waslilha ż-żmien tal-bidla u x-xewqat u d-dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju m’humiex biż-żejjed biex ituha futur sostenibbli.
Iżda aspett pożittiv ta’ dan id-dokument hu li fuq livell ta’ prinċipju, il-Partit Laburista jagħmel u-turns radikali u jidher li qed jabbanduna ħafna dikjarazzjonijiet li sa dan l-aħħar kien qed jagħmel il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni Laburista. Dan id-dokumenti juri li l-Partit Laburista aċċetta r-realtà li industriji antiki bħall-fabbriki tat-tessuti, m’għadx għandhom futur f’Malta u li hu inevitabbli li dawn jagħlqu u jagħtu posthom lil industriji ġodda ta’ aktar valur miżjud. Dan hu żvilupp pożittiv iżda jesponi għal darb’oħra l-ipokrezija ta’ l-Onor. Alfred Sant li jitkellem b’mod differenti skond min ikun qed jisimgħu.
F’dan id-dokument (paġna 6), il-Partit Laburista għall-ewwel darba jikkonċedi li fabbriki tradizzjonali bħad-Denim, Lloyds Shoes u oħrajn li dwarhom kien qabel għamel ħafna kritika lill-Gvern, fil-fatt għalqu minħabba li “l-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ fuq, il-pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Lvant, u ċ-Ċina saru aktar popolari ma’ l-investitur fejn jiddetermina l-prezz baxx tax-xogħol ... Huwa fatt ukoll,” jgħid id-dokument, “li l-ispiża tax-xogħol f’Malta hi tali li ma nistgħux nikkompetu fis-setturi li konna qawwija fishom snin ilu.” Din hi l-ewwel darba li l-Partit Laburista irrikonoxxa li kieku kien hu fil-Gvern, id-Denim u fabbriki oħra bħalha xorta kienu jagħlqu.
Il-Partit Laburista jgħaddi biex jikkritika r-rekord tal-Gvern fil-kisbiet ta’ investiment ġdid f’dawn l-aħħar snin. Id-dokument jinjora r-riżultati li nkisbu minn Mejju 2004 ‘l hawn, meta Malta ssieħbet l-Unjoni Ewropea u minn hemm bdiet sensiela ta’ investimenti ġodda u espansjonijiet ta’ stabbilimenti eżistenti. Matul dawn is-sentejn saru 46 investiment ġdid b’valur ta’ Lm54 miljun u 82 espansjoni ta’ stabbilimenti eżistenti b’investiment b’valur ta’ Lm35 miljun.
Id-dokument minflok jisfrutta t-tnaqqis fl-investiment u l-iffriżar fit-tkabbir ta’ l-istabbilimenti eżistenti li seħħ fl-aħħar snin qabel is-sħubija fl-Unjoni Ewropea minħabba l-inċertezza li ħoloq il-Partit Laburista bir-reżistenza tiegħu għal dan l-iżvilupp tant importanti għall-industrija Maltija.
Matul is-snin 1998 sa l-2003, il-Partit Laburista mexxa kampanja qawwija u mmobilizzata biex jipperswadi lill-Maltin jivvutaw kontra s-sħubija ta’ l-Unjoni Ewropea. Kull investitur li kellu mqar ftit għarfien ta’ x’kapaċi jagħmel l-Onor. Alfred Sant, kienu jafu li kif għamel fl-1996, kieku rebaħ l-elezzjoni ta’ l-2003 kien ikun perfettament kapaċi jbiddel id-deċiżjoni tal-poplu Malti u jwaqqaf is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Din l-inċertezza politika għal ħafna snin ħassret lil Malta minn fuq il-lista ta’ l-investituri internazzjonali u attirathom minflok – bl-ammissjoni ta’ dan id-dokument Laburista stess – lejn il-kompetituri tagħna fl-Ewropa tal-Lvant li kienu qed iħejju għas-sħubija.
Dan kien attakk konxju tal-Partit Laburista fuq l-ekonomija Maltija u din l-istrateġija qed tiġi ripetuta fil-kontroversja Maltija dwar l-introduzzjoni ta’ l-ewro. Il-Partit Laburista konxjament jaħdem biex jhedded u jgerrex l-investiment li jippreferi stabbilità politika minflok il-kontroversji kontinwi li jħawwel għal xejn l-Onor. Alfred Sant.
Id-dokument jibda biex jidentifika dawk is-setturi li fil-fehma tiegħu għandhom futur fl-ekonomija Maltija. Ftit jista’ jkun hemm kontroversja fuq il-lista li jagħżel. Fil-fatt, tneħħi xi żidiet sorprendenti bħal “Produzzjoni tal-Melħ” u “Tiswija taż-Żraben” il-Partit Laburista jikkopja mill-istqarrijiet strateġiċi tal-Gvern il-lista tas-setturi fil-mira tal-Malta Enterprise u jħalli barra dawk is-setturi li dwarhom tant ikkritika lill-Gvern għax il-Gvern ma qishomx priorità.
Fil-fatt il-Partit Laburista jħalli barra mill-eliġibilità għall-għajnuna dawk il-fabbriki eżistenti f’Malta li għall-Partit Laburista jistgħu jagħlqu għax m’għandhomx ċans jikkompetu f’setturi bħall-manifattura u l-proċessar ta’ l-ikel u x-xorb, it-tessuti, l-għamara, l-istampar u l-ġojjellerija.
Dan qed jissemma m’hux għax m’hemmx qbil li setturi tradizzjonali bħall-manifattura tat-tessuti m’hux se jkollhom fil-fatt iħallu posthom għal setturi b’valur aktar miżjud, imam ghall-fatt li l-Partit Laburista, f’dokument li ma jaqrah ħadd, jammetti dawn il-fatti, iżda fid-diskorsi pubbliċi ta’ l-Onor. Alfred Sant u fil-media tal-Partit Laburista ssir kritika lill-Gvern għax jispjega l-istess fatti.
Hemm kontradizzjoni espliċita bejn li tgħid li hemm setturi tal-manifattura f’Malta li m’għadhomx u ma jistgħux aktar ikunu kompetittivi u fl-istess nifs tippubblika dokument li tgħid li hu salvagwardja għall-manifattura eżistenti. Din il-kontradizzjoni ġejja mit-tensjoni bejn iż-żewġ awturi ta’ dan id-dokument. Fuq naħa l-awtur oriġinali li għandu l-buon sens li jammetti li l-manifattura tradizzjonali m’għandhiex futur f’Malta u l-Onor. Alfred Sant, l-editur ta’ dan id-dokument, li jrid jibqa’ konsistenti mal-kritika mingħajr ġustifikazzjoni li jattakka biha lill-Gvern. Allura fuq naħa dan id-dokument jgħid li l-manifattura tradizzjonali m’għandhiex futur f’Malta u mill-oħra jgħid li l-Partit Laburista jrid jippreserva l-manifattura tradizzjonali f’Malta.
Din il-kontradizzjoni fundamentali tagħmel dan id-dokument aktar inutli.
Qed jigi hawn anness estratt tal-‘proposti’ kollha fid-dokument tal-Partit Laburista u t-tweġiba tal-Gvern għalihom. (Ara pr0686a)
Ma jistax ikun hemm dubju li dan id-dokument tħejja bl-iskop li tinħoloq opportunità għall-Partit Laburista li jagħti x’jinftiehem li għandu ideat kif ser jagħmel l-oppost ta’ dak miktub fid-dokument tiegħu stess.
Il-Partit Laburista jrid jgħid lill-ħaddiema f’fabbriki li m’għadhomx kompetittivi, li kieku kien hu fil-Gvern ma jkollhomx għalfejn jitħarrġu u jitgħallmu biex isibu impjiegi ġodda f’setturi aktar produttivi. Madankollu f’dokument li qed jittama li dawn il-ħaddiema ma jaqrawx, il-Partit Laburista qed jgħid li m’hemmx għażla oħra ħlief li dawn il-fabbriki jagħlqu.
L-agħar hu li l-Partit Laburista hu għal kollox xott mill-ideat dwar x’għandu jsir biex titkattar attività ekonomika produttiva f’Malta. Anzi, jagħmel proposti li jfixklu dan it-tip t’investiment b’theddid espliċitu fuq l-awtonomija ta’ l-awtoritajiet monetarji, bil-posponiment ta’ l-introduzzjoni ta’ l-ewro u bi tħarbix ta’ prioritajiet li jpoġġi f’keffa waħda attivitajiet bħat-tikħil u t-tqegħid tal-madum u investimenti f’setturi speċjalizzati bħat-teknoloġija, il-farmaċewtika u ċ-ċinema. Imbagħad jipproponi numru ta’ kumitati biex “janalizzaw” il-problemi ta’ l-industrija u jitkellmu fuqhom. Wieħed kien jistenna mill-Partit Laburista li b’mod ħafna aktar konkret joħroġ bi proposti u b’azzjonijiet flok jgħid ‘il min ser ikellem biex jara x’għandu jagħmel.
Li hu tajjeb hu li pajjiżna ma qgħadx jistenna lill-Partit Laburista jiddeċiedi jagħti kas is-settur industrijali u joħroġ b’dak li hu jsejjaħ pjan t’azzjoni li fit-tajjeb jikkopja dokumenti tal-Gvern u fil-ħażin iħammar wiċċ min kitbu. Pajjiżna għandu viżjoni ċara li qed tiġi implimentata minkejja r-reżistenza tal-Partit Laburista: kontra l-Unjoni Ewropea, kontra SmartCity@Malta, kontra l-ewro, kontra kollox.
L-2,326 persuna li sabu impjieg ġdid fis-settur privat f’dawn l-aħħar sentejn mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea qed igawdu mill-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958