Inawgurazzjoni ufficjali ta’ xoghlijiet ta’ Tisbih fi Pjazza San Leonardu u z-Zuntier tal-Knisja f’Ħal Kirkop
Iċ-ċentru tar-raħal huwa l-qofol u l-aktar post prominenti ta’ kull lokalita` f’pajjiżna għax fiha nsibu l-knisja u diversi ċentri kummerċjali fosthom każini tal-baned tal-lokal. Għaldaqstant huwa xieraq li dawn iż-żoni jiġu msebbħa u mtejba sabiex kemm ir-residenti tal-lokal kif ukoll il-pubbliku u t-turist li jżurhom ikunu jistgħu jammiraw is-sbuħija tal-karatteristiċi tar-raħal Malti.
Ix-xogħol li sar fi Pjazza San Leonardu flimkien maz-zuntier tal-knisja f’Ħal-Kirkop huwa xhieda ta’ kemm il-Gvern preżenti jemmen bis-sħiħ fil-potenzjal li kull rokna ta’ pajjiżna għandha x’toffri. Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Ninu Zammit meta l-bieraħ inawgura t-tlestija ta’ x-xogħlijiet ta’ tisbiħ li sar f’Ħal-Kirkop.
Ix-xogħlijiet li bdew f’Jannar ta’ din is-sena kienu mifruxa fuq żewg naħat fejn wara li nbidel il-madum u l-balavostri taz-zuntier sar ix-xogħol fuq il-pavimentar tal-bankini u l-Pjazza San Leonardu. Il-madum taz-zuntier li jkopri area ta’ madwar 150 metru kwadru sar tal-granit u ġiet stallata sistema ġdida ta’ dawl li ddawwal il-knisja b’mod li tispikka l-arkitettura tal-faċċata. Fil-pjazza inbidlu wkoll is-servizzi ta’ l-ilma u drenaġġ, saru l-bankini u wara li ngħata sub-base tal-konkos, din ġiet ippavimentata. L-area totali tal-pjazza nkluż il-bankini hi ta’ ‘l fuq minn 750 metru kwadru u l-pavimentar sar b’disinn li jikkumplimenta ma’ l-estetika taż-żona. Il-pjazza se tkun imdawwla permezz ta’ sistema ġdida ta’ dawl ta’ fanali dekorattivi li wkoll jikkumplimentaw ma’ l-aspett ta’ l-irħula Maltin. Tpoġġew ukoll numri ta’ bankijiet ġodda u tħawlu ħames siġriet tat-tip ‘Sterelitzia Augusta’.
Ix-xogħol kollu nkluż il-manifattura ta’ l-istreet furniture u l-installazjoni ta’ l-elettriku sar kollu mill-ħaddiema tal-Gvern b’nefqa totali ta’ madwar Lm35,000 li parti minnhom kienu ffinanzjati mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Kirkop. Il-Ministru Ninu Zammit fakkar li proġetti ta’ din ix-xorta saru fil-Mellieħa u f’Ħal-Safi; u għaddej xogħol simili ieħor f’Ħal-Lija u f’Birzebbuġa. Barra minhekk, hu ppjanat li jsiru l-Pjazza tal-Qrendi, iz-Zuntier taż-Żurrieq u se jibda wkoll ix-xogħol fuq iz-Zuntier u l-madwar tal-Kon Katidral ta’ San Gwann.
Fl-aħħarnett il-Ministru Ninu Zammit irringrazzja lill-periti u l-ħaddiema li kienu nvoluti f’dan il-proġett kif ukoll lill-Kunsill Lokali li bil-kontribut siewi tagħhom, ix-xogħol twettaq fiż-żmien stipulat u ta’ l-ogħla livelli.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958