IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT GEORGE PULLICINO F’LAQGĦAT FIL-LIBJA
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino mexxa delegazzjoni tal-Gvern Malti f’laqgħat fil-Libja.
Id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet mal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Riżorsi ta’ l-Ilma tal-Libja Dr Abu-Bakr Mabrouk al-Mansouri. Preżenti għal-laqgħa plenarja, kien hemm ukoll Dr Abdel Hakim El Waer, Kap tal-Kumitat Nazzjonali għall-Ambjent u l-Ing. Hussein Ali Marii, Kap tal-Kumitat Nazzjonali għall-Investiment Marittimu. Din il-laqgħa saret fl-isfond ta’ sensiela ta’ żjarat li qed isiru bejn Ministri taż-żewġ pajjiżi bil-għan li jkunu intensifikati r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Matul dawn il-laqgħat it-temi prinċipali li ġew diskussi ffukkaw fuq is-settur agrikolu, is-sajd u l-ambjent.
Dwar il-koperazzjoni agrikola, kien hemm qbil li għandu jkun hemm assistenza teknika bejn iż-żewġ pajjiżi biex tkompli titħares l-importanza tal-prodotti tipiċi. Kien hemm qbil ukoll li jitwaqqaf kumitat tekniku biex jistudja opportunitajiet li jeżistu f’dan is-settur. Dan il-kumitat għandu jfassal pjan ta’ azzjoni li jiffoka fuq numru ta’ prijoritajiet.
Fil-qasam tas-sajd, il-Ministru Pullicino tkellem fuq l-importanza li l-pajjiżi tal-Mediterran għandhom jieħdu miżuri biex titħares is-sostennibiltà ta’ dan is-settur. Il-Ministru Pullicino saħaq fuq il-fatt li ż-zona ta’ konservazzjoni kif stabbilita mill-Libja tħalli impatt fuq is-sajjieda Maltin. Din hija żona li tradizzjonalment dawn is-sajjieda dejjem użaw biex jistadu fiha. Il-Ministru Pullicino aċċenna għall-fatt li s-sajjieda Maltin jużaw laneċ żgħar tas-sajd b’irkaptu tradizzjonali u għalhekk m’humiex ta’ periklu għas-sostenibilità taż-żona. Hu elenka wkoll id-diffikultajitiet li jeżistu biex is-sajjieda lokali jkunu konvinti li għandhom jieqfu jistadu f’din iż-żona.
Il-Ministru George Pullicino saħaq fuq l-importanza li jinstab arranġament li jiffaċilita s-sajd minn sajjieda Maltin f’din iż-żona. Għal din il-proposta, iż-żewġ naħat qablu li għandhom jiġu eżaminati soluzzjonijiet li jinkludu joint ventures fis-sajd, li jagħtu vantaġġ lis-sajjieda taż-żewġ pajjiżi.
Matul il-laqgħa ġie diskuss ukoll is-settur ambjentali bl-emfasi tingħata lill-problema ta’ tniġġiż fil-baħar Mediterran, minħabba l-vulnerabbiltà taż-żewġ pajjiżi. Settur ieħor ambjentali diskuss kien dak tal-bio-diversità.
Il-laqgħat kienu ferm kordjali u fi tmienhom il-Ministru Pullicino esprima x-xewqa tiegħu li jilqa’ lill-Ministru Libjan f’Malta iktar tard din is-sena biex jiġi ffirmat pjan ta’ azzjoni bilaterali. Id-delegazzjoni Maltija f’dawn il-laqgħat kienet tinkludi wkoll lill-Ambaxxatur Malti għall-Libja Dr Joseph Cassar, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, Dr Philip von Brockdorff, id-Direttur Ġenerali tas-Sajd, Dr.Tony Gruppetta u d-Direttur għall-Politika u Inizjattivi Ambjentali, Dr.Chris Ciantar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958