Il-Gvern viċin is-Self Employed u n-Negozji Żgħar – Politika ta’ viżjoni u mhux politika ta’ fuq il-karta – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, l-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, nieda r-rapport ‘Il-Gvern viċin is-SelfEmployed u n-Negozji Żgħar’, sabiex jindirizza l-isfidi li jiltaqgħu magħhom s-Self Employed u n-Negozji Żgħar fl-operat tagħhom.
Permezz ta’ rendikont dettaljat tal-laqgħat kollha li ġew organizzati mis-Segretarjat Parlamentari ma’ nies self employed u ma’ sidien ta’ negozji, f’diversi bliet u irħula Maltin, is-Segretarju Parlamentari spjega kif il-Gvern qiegħed jaħdem fil-viċin mal-GRTU u għaqdiet oħra li jirrappreżentaw lin-negozji sabiex ħafna mill-ilmenti jkunu jistgħu jiġu ndirizzati bl-aħjar mod bi qbil magħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo tkellem dwar kif l-ilmenti miġjuba għall-attenzjoni tas-Segretarjat Parlamentari huma fil-maġġoranza tagħhom diffikultajiet b’attenzjoni lokali bħalma huma l-parkeġġ, il-loading u l-unloading, il-wardens, is-CCTV cameras u diffikultajiet oħra relatati ma’ amministrazzjoni burokratika bħalma hi l-MEPA. Ilment ieħor ġenerali kienet il-problema tal-prezzijiet għola ta’ dawl u ilma li hija problema li qed tinħass ukoll min-negozji kollha bl-istess mod.
L-Onor. Vassallo qal li “fil-fehma tiegħi dawn id-diffikultajiet jixhdu li f’pajjiżna għandna ekonomija fuq numru ta’ operaturi li kull ma jmur qiegħed jikber, u l-attivita’ kummerċjali trid tkompli tikber; iżda loġistikament qed ikun hemm limitazzjoni minħabba d-daqs ta’ pajjiżna. Din hija l-isfida li pajjiżna qiegħed jiffaċċja fil-preżent u rridu nitgħallmu nsibu bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku meħtieġ u l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna. Il-Gvern irid fuq kollox jara tkabbir b’mod partikolari f’setturi ġodda ta’ negozji li jħallu valur miżjud akbar f’pajjiżna.
“Waħda mill-akbar osservazzjonijiet li nagħmel hija li f’pajjiżna irridu naraw li nbiddlu l-mentalita’ tagħna ta’ kif inħarsu lejn in-negozju. Irridu nkunu aktar miftuħa għan-negozju, napprezzaw aktar lil min qiegħed fin-negozju u napprezzaw aktar lil min iħaddem. Għandna bżonn ta’ infurzar, iżda nfurzar li hu regolat b’raġuni u mhux bi preġudizzju jew pika.”
Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li “pajjiżna jikber ekonomikament aktar ma niffaċilitaw in-negozju, għandna bżonn li niffaċilitaw in-negozju fl-ibliet u l-irħula tagħna, permezz tal-Kunsilli Lokali, li hemm bżonn li jinfetħu aktar għan-negozju. Nistgħu noħolqu aktar impjiegi u ġid f’pajjiżna iżda huwa l-imprenditur li joħloq ix-xogħol. Dan huwa l-impenn tal-Gvern li permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed jibqa’ viċin tas-self employed u s-sidien ta’ negozji żgħar, sabiex id-diffikultajiet u l-isfidi jkunu jistgħu jiġu ndirizzati. In-Negozji u s-Self Employed dejjem jistennew aktar minn Gvern li qed iwettaq dak li jwiegħed, u dan għaliex għandu politika ta’ viżjoni u mhux politka ta’ fuq il-karta.”
Is-Segretarju Parlamentari fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet ta rendikont ukoll ta’ kif l-isfidi li jiffaċjaw in-negozji ġew indirizzati flimkien ma’ l-Awtoritajiet kollha tal-Gvern, filwaqt li ta wkoll rendikont tal-progress li ġie rreġistrat fuq kull sfida elenkata.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958