CHAUDRON JIPPREŻENTA LIL MALTA FIL-POWERBOAT P1 WORLD CHAMPIONSHIP
“Chaudron Powerboats Malta” hu l-ewwel team Malti li kkompeta fil-Powerboat P1 World Championship. Is-sid tat-team huwa Charlie Ciantar, biż-żewġ uliedu Aaron u Audrien, is-sewwieq/throttleman u navigatur rispettivament ta’ powerboat ta’ 33 pied, li s-sena l-oħra kkompetiet u kisbet it-tielet post fil-kampjonat.
Din is-sena Chaudron ser jerġa’ jikkompeti fil-Powerboat P1 World Championship. Għar-round inawgurali, hekk kif se jibdew triqthom lejn l-isfida għaċ-championship, Chaudron se jkunu qed jaraw kif ser jieħdu vantaġġ mill-ambjent lokali li dwaru huma ntiżi aktar minn ħaddieħor, l-appoġġ lokali mimli entużjażmu u minn powerboat ġdida u aktar f’saħħitha.
Il-powerboat ta’ 33 pied ġiet disinjata u nbniet apposta minn Chaudron bl-iskop li d-duo Aaron u Audrien javvanzaw sa tarf iċ-championship li jilħaq il-quċċata tiegħu f’Ottubru. Il-powerboats li jibnu Chaudron huma uniċi għaliex kull waħda li toħroġ mill-fabbrika hija oriġinali. L-innovazzjoni fit-teknika tal-kostruzzjoni flimkien mat-teknika tradizzjonali għal bini ta’ l-opri tal-baħar jwasslu biex din il-kumpanija tipproduċi powerboats b’kapaċita’ li jagħtu l-aħjar f’sitwazzjonijiet estremi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, akkumpanjat miċ-Chairman ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu Romwald Lungaro Mifsud, żar lil ‘Chaudron Powerboats Malta’ fejn qed isiru l-aħħar preparazzjonijiet għas-sehem li din il-kumpannija se jkollha bil-powerboat tagħha fil-Powerboat P1 Grand Prix li l-ewwel tiġrija tagħha ser issir f’Malta fit-13 u l-14 ta’ Mejju.
Il-Ministru Zammit Dimech feraħ u awgura lil Chaudron kull suċċess għaliex kienu huma li se jtajjru l-bandiera għal Malta f’din il-kompetizzjoni prestiġġjuża.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultrura qal li ma kellux dubju li l-aħwa Aaron u Audrien kienu f’qagħda li jirrepetu l-prestazzjoni tagħhom fiċ-championship ta’ din is-sena, anzi kien jawguralhom li jkollhom riżultat aħjar.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan iċ-championship daħal fil-kalendarju ta’ attivitajiet li jiġu organizzati f’Malta. Hu qal li kien jemmen li r-rabta tal-Port il-Kbir ta’ Malta ma’ dan iċ-championship kien qed iħalli impatt fuq is-settur turistiku mhux biss għaliex il-Grand Prix ta’ Malta jixxandar f’70 pajjiż madwar id-dinja, b’udjenza globali fuq it-televiżjoni ta’ 200 miljun, iżda anke għaliex aktar minn 20 ġurnalist minn ġurnali popolari bħal Gazzetta dello Sport, id-Daily Express u The Guardian mistennija jkopru dawn it-tiġrijiet.
Il-Powerboat P1 World Championship jsir fuq sitt tappi:
• 13 u 14 ta’ Mejju il-Malta Grand Prix fil-Port il-Kbir;
• fit-3 u l-4 ta’ Ġunju l-Italy Grand Prix f’Anzio fl-Italja;
• fl-1 u t-2 ta’ Lulju l-German Grand Prix fi Travemunde, fil-Ġermanja;
• fis-26 u s-27 ta’ Awissu l-British Grand Prix f’Cowes fl-Ingilterra;
• fis-16 u s-17 ta’ Settembru il-Mediterranan Grand Prix, f’Gallipoli fit-Turkija u
• fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru l-iSpanish Grand Prix.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958