IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI U L-EŻEMPJI TAD-DUAL PRICING
Id-dual pricing huwa għodda importanti sabiex il-konsumatur u n-negozjant isiru familjari mal-munita euro. Kulħadd jaqbel li jekk irridu bidla għal munita euro mingħajr skossi u li tkun waħda li ma ttappanx il-vantaġġi li l-munita euro tista’ tagħti lil pajjiżna, billi jkun hemm għoli ta’ prezzijiet fil-mument tal-bidla, irridu nużaw kull għodda għad-dispożizzjoni tagħna biex nedukaw lill-konsumatur u lill-operaturi fis-settur tan-negozju, kif għandha ssir il-bidla fil-prezzijiet.
Dan huwa rikonoxxut anke fil-qafas legali ta’ l-Unjoni Ewropea, filwaqt li huwa rrakkomandat mill-Unjoni Ewropea bħala miżura indispensabbli fit-twettiq tal-preparamenti għall-introduzzjoni tal-euro.
B’referenza għall-eżempji mogħtija mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Alfred Sant, rigward dual pricing reċentament, tajjeb li jiġi ppreċiżat li l-eżempji mogħtija mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ma jimxux mal-linji gwida ppubblikati mill-Kumitat Nazzjonali għall-bidla fl-euro (NECC). Hekk kif tiġi mgħoddija mill-Parlament il-Liġi dwar l-Addozzjoni tal-euro, l-eżempji mogħtija mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, jkunu kkunsidrati bħala abbuż u ksur tal-liġi.
Il-linji gwida ppubblikati mill-NECC, jistabilixxu li fejn bejjiegħ jagħżel li jesibixxi l-prezz ta' oġġett u/jew servizz ukoll bl-euro:
- Il-konsumatur mhuwiex obbligat li jħallas bl-euro. Bl-istess mod il-bejjiegħ mhuwiex obbligat li jaċċetta l-pagament bl-euro b'dak il-prezz;
- Il-wiri tal-prezz bl-euro m’għandux ikollu post aktar prominenti mill-prezz bil-lira Maltija.
- Il-prezz muri bl-euro għandu jkun il-prezz ta' l-oġġett u/jew tas-servizz bil-lira Maltija bir-rata ta' kambju ċentrali ta' Lm0.4293 għal kull euro;
- Meta bejjiegħ bi ħsiebu jaċċetta pagament bl-euro u japplika ħlas addizzjonali għal prezz konvertit fl-euro, hu/hi għandhom juru b'mod ċar u f'post prominenti fil-post fejn isir il-bejgħ, avviż kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż li jgħid:
"Il-prezzijiet murija bl-euro ġew konvertiti mill-prezz bil-lira Maltija bir-rata ta' kambju ċentrali ta' euro 1 = Lm0.4293 għall-għanijiet ta' informazzjoni biss. Kull bejgħ li jsir bl-euro jista' jkun suġġett għal ħlas addizzjonali marbut mal-kambju tal-munita ta' l-euro għal-lira Maltija".
Dan il-ħlas addizzjonali għandu jiġi muri b'mod ċar u f'post prominenti fil-post fejn isir il-bejgħ.
Wieħed huwa mitlub li jsegwi dawn il-linji gwida meta jiġi biex jagħmel dual pricing fin-negozju tiegħu.
Ta’ min ifakkar li survey ippubblikat mill-Eurobarometer, juri li l-Maltin huma l-iktar poplu favur id-dual pricing mill-pajjiżi kollha li għadhom iridu jintroduċu l-euro. 93% tal-poplu Malti huwa favur id-dual pricing. F’survey ieħor mill-Eurobarometer, 77% tal-Ewropej li diġa’ jħaddnu l-euro, sabu d-dual pricing bħala għodda ferm importanti fil-proċess għall-bidla fl-euro.
Dan jikkontrasta ferm ma’ dak li ddikjara il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Alfred Sant li d-dual pricing huwa meqjus bħala proċess bla sens.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958