IFFIRMAT IL-FTEHIM GĦAT-TWAQQIF TA’ GĦAQDA ĠDIDA TAL-PRODUTTURI FIS-SETTUR AGRIKOLU
L-iffirmar tal-ftehim għat-twaqqif ta’ Għaqda ġdida tal-Produtturi fis-settur agrikolu huwa pass pożittiv u meħtieġ għas-sostenibbilita’ tal-bdiewa u tas-settur agrikolu lokali.
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt l-iffirmar tal-ftehim għat-twaqqif ta’ Għaqda ġdida tal-Produtturi li se jkun jisimha Ta’ Qali Producers’ Group.
Il-Ministru Pullicino qal li t-twaqqif ta’ Għaqdiet tal-Produtturi huwa pass integrali mill-istrateġija tal-Gvern biex il-biedja lokali tiffaċċja realtà ġdida ta’ kompetizzjoni. L-esperjenza pożittiva ta’ Għaqda tal-Produtturi oħra li diġà bdiet l-operat tagħha għandha tawgura tajjeb għall-futur ta’ l-għaqda l-ġdida.
Il-Ministru Pullicino fakkar kif l-Għaqdiet tal-Produtturi huma mgħejjuna minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea u jingħataw priorità fil-Politika Agrikola Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u Sajd Frans Agius ukoll esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-pass u qal li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern mistenni jħabbar inizjattivi ġodda skond ma ġie negozjat ma’ l-Unjoni Ewropea li se jkunu mmirati l-aktar lejn Għaqdiet tal-Produtturi.
Iċ-chairman ta’ Ta’ Qali Producers’ Group Peter Axisa qal li huwa fatt pożittiv li wara tant ħidma issa wasal iż-żmien biex din l-Għaqda tkun rikonoxxuta formalment u tibda twettaq il-ħidma tagħha. Axisa qal li f’isem l-Għaqda l-ġdida hu jemmen li dan huwa pass utli ħafna għall-bdiewa kif ukoll għall-ġid tal-futur tas-settur agrikolu kollu kemm hu. Axisa tenna li minbarra dan il-pass, hemm lok għal inizjattivi oħrajn li għandhom iwasslu għar-ristrutturar fis-settur agrikolu.
Intant l-iffirmar tal-ftehim sar mis-Segretarju Permanenti fil-Minsiteru għall-Affarijeit Rurali u l-Ambjent Philip von Brockdorff f’isem il-Gvern u minn Peter Axisa (Chairman), Joseph Farrugia (Segretarju) u Saviour Gauci (Ko-ordinatur) f’isem Ta’ Qali Producers’ Group.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958