Ir-Rebbieħa Maltin tal-Kompetizzjoni ta’ l- e-Twinning jattendu l-kamp ta’ l- e-Twinning f’Lanzarote
pr0648
02/05/2006
| Grupp ta’ tmien | studenti mill-Iskola Dun Salv Portelli tar-raħal ta’ San Lawrenz, Għawdex, il-kap ta’ l-iskola u l-għalliema li kellhom is-sena l-oħra, nhar il-Ħadd 30 t’April ġew lura minn Kamp ta’ tlett ijiem fuq il-gżira ta’ Lanzarote – waħda mill-Gżejjer Kanarji. Din l-esperjenza unika kienet il-premju li rebħu bil-ħolqien u l-parteċipazzjoni tagħhom flimkien ma’ studenti minn skola fl-Iskozja fi proġett ta’ l-eTwinning bl-isem ‘Talking through Time’. Il-proġett kien wieħed ferm interessanti dwar ir-rwol differenti li Malta u l-Iskozja kellhom fit-tieni gwerra dinjija. L-istudenti kellhom ħafna x’jitgħallmu minn xulxin, tkellmu dwar ix-xelters differenti li kienu jintużaw, dwar l-ikel u l-iskarsezza tiegħu, il-bumbardamenti u l-biżgħat. Dan kollu kien marbut mas-suġġetti ta’ l-istorja, ċ-ċittadinanza, il-lingwa Ingliża u t-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni. Huma kienu fost aktar minn 70 student minn pajjiżi oħra minn madwar l-Ewropa li rebħu post f’dan il-kamp esklussiv. |
| Fil-kamp, | kemm l-istudenti kif ukoll l-għalliema kellhom l-opportunità li jiltaqgħu wiċċ imb’wiċċ ma’ l-istudenti u l-għalliema li tant kienu ħadmu magħhom permezz ta’ l-Internet, l-email u ċ-chat permezz ta’ l-eTwinning. Il-vjaġġ kien twil u l-istudenti għajjew imma l-ebda minnhom ma ddispjaċih wara li sabu rwieħhom f’lukanda mill-isbaħ b’temp mill-aqwa. |
| Il-Kamp | kien organizzat b’mod eċċellenti b’taħlita t’attivitajiet edukattivi u oħrajn ta’ divertiment. Kien hemm workshops dwar podcasting, fejn l-istudenti raw kemm huwa faċli li jirrekordjaw il-vuċi tagħhom, iħalltuha mal-mużika sabiħa u jittrażmettu dan il-podcast permezz ta’ l-Internet. Workshops oħrajn kienu dwar l-editjar diġitali tal-video – imħejjija minn għalliem Malti. L-istudenti tgħallmu kif jiġbdu filmati, jgħadduhom għal fuq il-kompjuter, imbagħad jaqtgħu u jżidu partijiet, idaħħlu l-mużika u l-kummentarju, jpoġġu t-titli u effetti speċjali. Workshop ioħor inqas tekniku kien dak ta’ l-arti u l-kraft – f’dan l-istudenti ħadmu b’mod kollaborattiv fuq it-tema ta’ l-iżvilupp ta’ l-Afrika. L-għalliema wkoll ipparteċipaw f’workshops li ser jgħinuhom ikomplu jtejbu l-parteċipazzjoni tagħhom u ta’ l-iskejjel tagħhom fi proġetti oħra ta’ l-eTwinning. |
| Id-divertiment | ma naqasx, wara kollox it-tfal kollha kienu ħadmu ħafna fil-proġetti tagħhom u kien ħaqqhom jieħdu pjaċir! Kellhom ħafna għażla – min mar dawra bir-roti madwar parti mill-kosta tal-gżira, oħrajn lagħbu l-mini golf u ħafna mis-subien u xi bniet ukoll għażlu li jilgħabu l-futbol! Fuq gzira bħal din ma tistax tonqos il-kaċċa għat-teżor! L-istudenti u xi għalliema avventurużi nqasmu f’erba’ gruppi u kellhom biċċa xogħol iebsa biex isegwu l-ħjiel li kienu mxerrda madwar it-territorju tal-lukanda. Wara bosta kilometri ta’ mixi u ġiri u soluzzjonijet ta’ problemi – instab it-teżor – kaxxi mimlija b’kull tip ta’ rigali ta’ l-eTwinning! |
| Matul | l-aħħar ġurnata l-parteċipanti kellhom ħarġa unika. Għal ħafna minnhom kienet l-ewwel darba li raw ġemel mill-qrib – imma l-ebda minnhom ma kienu rikbu fuq ġemel! Dan huwa dak li għamlu – rikbu fuq iġmla li tellgħuhom fuq għolja li tagħmel parti mill-Park Nazzjonali ta’ Timanfaya – li huwa magħmul minn għoljiet vulkaniċi. Wara din l-esperjenza li żgur ser jibqgħu jiftakru, komplew b’dawra mal-park fejn raw l-effetti ta’ żbroff li kien dam sejjer sitt snin! Raw ukoll li l-vulkani għadhom attivi tant li l-art ta’ taħt saqajhom kienet taħraq! Il-kamp kien ukoll l-opportunità għall-ewwel għawma f’waħda mill-pixxini tal-lukanda. |
| Id-Dipartiment | tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni jispera li studenti oħra Maltin jerġgħu jkollhom l-opportunità li jirrapreżentaw lil Malta f’attività bħal din. Id-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni jifraħ lill-iskola Dun Salv Portelli, lill-Aġent Kap tagħha, is-Sur Saviour Tabone ta’ l-enerġija tiegħu li jaħtaf opportunitajiet biex imexxi lill-iskola ’l quddiem, lill-għalliema Ms. Jennifer Farrugia u lill-istudenti tas-sitt sena tas-sena l-oħra, Neville Grima, Annalise Buttiġieġ, Lenard Cauchi, Alex Cauchi, Marie Grima, Rebecca Sultana, Luke Theuma u Andrew Grima, li llum qegħdin fl-ewwel klassi tas-sekondarja. |
Aktar dettalji dwar il-kamp u dwar l-eTwinning, li hija azzjoni li tgawdi l-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jinkisbu minn www.etwinning.net jew mis-Servizz Nazzjonali t’Appoġġ għall-eTwinning fi ħdan id-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni bit-telefon fuq 2598 2150.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958