Left arrow Go Back

Ir-Rebbieħa Maltin tal-Kompetizzjoni ta’ l- e-Twinning jattendu l-kamp ta’ l-  e-Twinning f’Lanzarote

pr0648
Date Icon 02/05/2006
Grupp ta’ tmienstudenti mill-Iskola Dun Salv Portelli tar-raħal ta’ San Lawrenz, Għawdex, il-kap ta’ l-iskola u l-għalliema li kellhom is-sena l-oħra, nhar il-Ħadd 30 t’April ġew lura minn Kamp ta’ tlett ijiem fuq il-gżira ta’ Lanzarote – waħda mill-Gżejjer Kanarji. Din l-esperjenza unika kienet il-premju li rebħu bil-ħolqien u l-parteċipazzjoni tagħhom flimkien ma’ studenti minn skola fl-Iskozja fi proġett ta’ l-eTwinning bl-isem ‘Talking through Time’. Il-proġett kien wieħed ferm interessanti dwar ir-rwol differenti li Malta u l-Iskozja kellhom fit-tieni gwerra dinjija. L-istudenti kellhom ħafna x’jitgħallmu minn xulxin, tkellmu dwar ix-xelters differenti li kienu jintużaw, dwar l-ikel u l-iskarsezza tiegħu, il-bumbardamenti u l-biżgħat. Dan kollu kien marbut mas-suġġetti ta’ l-istorja, ċ-ċittadinanza, il-lingwa Ingliża u t-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni. Huma kienu fost aktar minn 70 student minn pajjiżi oħra minn madwar l-Ewropa li rebħu post f’dan il-kamp esklussiv.
Fil-kamp,kemm l-istudenti kif ukoll l-għalliema kellhom l-opportunità li jiltaqgħu wiċċ imb’wiċċ ma’ l-istudenti u l-għalliema li tant kienu ħadmu magħhom permezz ta’ l-Internet, l-email u ċ-chat permezz ta’ l-eTwinning. Il-vjaġġ kien twil u l-istudenti għajjew imma l-ebda minnhom ma ddispjaċih wara li sabu rwieħhom f’lukanda mill-isbaħ b’temp mill-aqwa.
Il-Kampkien organizzat b’mod eċċellenti b’taħlita t’attivitajiet edukattivi u oħrajn ta’ divertiment. Kien hemm workshops dwar podcasting, fejn l-istudenti raw kemm huwa faċli li jirrekordjaw il-vuċi tagħhom, iħalltuha mal-mużika sabiħa u jittrażmettu dan il-podcast permezz ta’ l-Internet. Workshops oħrajn kienu dwar l-editjar diġitali tal-video – imħejjija minn għalliem Malti. L-istudenti tgħallmu kif jiġbdu filmati, jgħadduhom għal fuq il-kompjuter, imbagħad jaqtgħu u jżidu partijiet, idaħħlu l-mużika u l-kummentarju, jpoġġu t-titli u effetti speċjali. Workshop ioħor inqas tekniku kien dak ta’ l-arti u l-kraft – f’dan l-istudenti ħadmu b’mod kollaborattiv fuq it-tema ta’ l-iżvilupp ta’ l-Afrika. L-għalliema wkoll ipparteċipaw f’workshops li ser jgħinuhom ikomplu jtejbu l-parteċipazzjoni tagħhom u ta’ l-iskejjel tagħhom fi proġetti oħra ta’ l-eTwinning.
Id-divertimentma naqasx, wara kollox it-tfal kollha kienu ħadmu ħafna fil-proġetti tagħhom u kien ħaqqhom jieħdu pjaċir! Kellhom ħafna għażla – min mar dawra bir-roti madwar parti mill-kosta tal-gżira, oħrajn lagħbu l-mini golf u ħafna mis-subien u xi bniet ukoll għażlu li jilgħabu l-futbol! Fuq gzira bħal din ma tistax tonqos il-kaċċa għat-teżor! L-istudenti u xi għalliema avventurużi nqasmu f’erba’ gruppi u kellhom biċċa xogħol iebsa biex isegwu l-ħjiel li kienu mxerrda madwar it-territorju tal-lukanda. Wara bosta kilometri ta’ mixi u ġiri u soluzzjonijet ta’ problemi – instab it-teżor – kaxxi mimlija b’kull tip ta’ rigali ta’ l-eTwinning!
Matull-aħħar ġurnata l-parteċipanti kellhom ħarġa unika. Għal ħafna minnhom kienet l-ewwel darba li raw ġemel mill-qrib – imma l-ebda minnhom ma kienu rikbu fuq ġemel! Dan huwa dak li għamlu – rikbu fuq iġmla li tellgħuhom fuq għolja li tagħmel parti mill-Park Nazzjonali ta’ Timanfaya – li huwa magħmul minn għoljiet vulkaniċi. Wara din l-esperjenza li żgur ser jibqgħu jiftakru, komplew b’dawra mal-park fejn raw l-effetti ta’ żbroff li kien dam sejjer sitt snin! Raw ukoll li l-vulkani għadhom attivi tant li l-art ta’ taħt saqajhom kienet taħraq! Il-kamp kien ukoll l-opportunità għall-ewwel għawma f’waħda mill-pixxini tal-lukanda.
Id-Dipartimenttat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni jispera li studenti oħra Maltin jerġgħu jkollhom l-opportunità li jirrapreżentaw lil Malta f’attività bħal din. Id-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni jifraħ lill-iskola Dun Salv Portelli, lill-Aġent Kap tagħha, is-Sur Saviour Tabone ta’ l-enerġija tiegħu li jaħtaf opportunitajiet biex imexxi lill-iskola ’l quddiem, lill-għalliema Ms. Jennifer Farrugia u lill-istudenti tas-sitt sena tas-sena l-oħra, Neville Grima, Annalise Buttiġieġ, Lenard Cauchi, Alex Cauchi, Marie Grima, Rebecca Sultana, Luke Theuma u Andrew Grima, li llum qegħdin fl-ewwel klassi tas-sekondarja.

Aktar dettalji dwar il-kamp u dwar l-eTwinning, li hija azzjoni li tgawdi l-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jinkisbu minn www.etwinning.net jew mis-Servizz Nazzjonali t’Appoġġ għall-eTwinning fi ħdan id-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni bit-telefon fuq 2598 2150.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow