Left arrow Go Back

Organizzazzjoni li qed tgħolli l-livell ta’ attivitajiet f’pajjiżna

pr0643
Date Icon 02/05/2006

L-ewwel Festival Internazzjonali ta’ Malta tal-Logħob tan-Nar ġie organizzat b’suċċess bejn nhar is-Sibt u l-Ħadd, 29 u 30 ta’ April fil-Port il-Kbir. F’dan il-festival ipparteċipaw tliet kmamar tan-nar minn Malta u tnejn barranin. Ipparteċipaw ukoll seba’ kmamar tan-nar oħra lokali li taw wirjiet ta’ logħob tan-nar tradizzjonali Malti u l-Orzella Fireworks ta’ l-Italja li ġabet fit-tmiem, il-festival b’wirja spettakulari piro-mużikali. 

Il-wirjiet tal-logħob tan-nar ġew aġġudikati minn panel taħt it-tmexxija ta’ Charles Briffa, tal-Briffa Fireworks Company ta’ Malta. Il-membri l-oħra tal-panel kienu Stolba Romana tal-“Flash Barrandov Special Effects” tar-Repubblika Ċeka; Izaskun Astondoa, mill-“Astondoa Fireworks Company” ta’ Spanja; Viviano Nobile, President ta’ l-Assoċjazzjoni Piroteknika Taljana u Jose Mari Paris, Direttur tal-“Potassium Nitrate & Fireworks Chemical Factory” ta’ Spanja. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, meta ppreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa tal-Festival, qal li l-iskop wara dan il-Festival kien doppju. Kien qed jiġi organizzat biex jimla vojt bejn il-festi ta’ l-Għid u l-festi li jsiru fl-ibliet u l-irħula ta’ Malta fejn il-logħob tan-nar ma jonqosx u fejn il-poplu Malti u t-turisti jkollhom għażla x’jaraw. Hu qal li l-iskop l-ieħor kien li niċċelebraw is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u għalhekk sew fis-sena li sseħibna, kif ukoll fl-aħħar sentejn, il-festival tal-Logħob tan-Nar sar iċ-ċentru ta’ l-attivitajiet li jfakkru din l-okkażjoni. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kienu kull sena jorganizzaw diversi attivitajiet li jilħqu lill-poplu Malti u lit-turisti li jkunu qed iżuruna. Hu qal li biex ma jkunx hemm ripetizzjoni f’dawn l-attivitajiet twaqqaf Unit ta’ l-Events  fil-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura li jieħu ħsieb l-attivitajiet li jkunu organizzati miż-żewġ entitajiet. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li matul is-sena jiġu organizzati l-“Mediterranean Food Festival”,  l-“International Fireworks Festival”, il-“Malta Historic Cities Festival”, l-“In Guardia Parade” u l-“Alarme re-Enactments” u s-“Summer Arts Festival”. Hu qal li matul is-sena l-Orkestra Nazzjonali torganizza diversi kunċerti li qed jikbru fil-popolarita’. Hu qal li dawn l-attivitajiet, flimkien ma’ diversi attivitajiet oħra mis-settur privat li qed iġib f’pajjiżna kantanti u gruppi popolari barranin, qed ipoġġu lil Malta fuq il-mappa tat-turiżmu marbut ma’ l-avvenimenti ta’ l-ogħla kwalità li jinbena fuq esperjenzi li pajjiżi oħra ma jagħtux. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li filwaqt li l-Gvern permezz ta’  diversi awtoritajiet u entitajiet kien se jibqa’ jgħolli l-livell ta’ attivitajiet f’pajjiżna, biex dan iseħħ, kulħadd ried jaħdem flimkien, billi kulħadd jiġbed ħabel wieħed fl-istess direzzjoni u mhux f’direzzjonijiet opposti. 

Il-Ministru Zammit Dimech feraħ lir-rebbieħa ta’ dan il-festival internazzjonali filwaqt li rringrazzja lil kull min ħa sehem u lill-organizatturi li mingħajr il-ħidma tagħhom din l-attivita’ internazzjonali ma kenitx titwettaq. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow