INAWGURATA WIRJA TA’ XOGĦLIJIET TA’ ARTIST ŻAGĦŻUGĦ
L-artist żagħżugħ minn Għawdex, Mark Sagona, qed itella’ żewġ wirjiet personali ta’ pittura waħda f’Malta u oħra f’Għawdex.
F’Malta Sagona qed itella’ il-wirja tiegħu fil-Vee Gee Bee Art Gallery fi Triq ir-Repubblika, il-belt Valletta, filwaqt li f’Għawdex Mark Sagona se jtella’ il-wirja tiegħu fl-art.e.Gallery fil-belt Victoria.
Il-wirja ta’ madwar 20 biċċa xogħol fl-astratt biż-żejt u l-akrilika li ser tittella’ f’Malta fit-8 ta’ April, hija r-raba’ wirja personali ta’ l-artist żagħżugħ Mark Sagona.
Flimken mal-wirja, Sagona qiegħed jippublika wkoll katalogu kkulurit ta’ l-esebiti.
Il-katalogu, jinkludi studju kritiku ta’ Dennis Vella, lecturer fl-arti Maltija tas-seklu għoxrin fl-Universita’ ta’ Malta u kuratur ta’ l-Arti Moderna u Kontemporanja fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti. Mark Sagona hu wkoll lecturer ta’ l-istorja ta’ l-Arti fil-Fakulta’ ta’ l-Arti fl-Universita’ ta’ Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nawgura l-wirja ta’ Mark Sagona fisser lil dan l-artist bħala wieħed mill-artisti żgħażagħ li qed jagħmlu isem mhux biss minħabba l-istil tal-pittura tagħhom, iżda anke minħabba l-passjoni li jiddedikaw fl-arti li jħaddnu.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fi żmien meta numru akbar ta’ żgħażagħ qed jieħdu l-arti bħala professjoni hu ta’ inkoraġġiment li ħafna minn dawn iż-żgħażagħ ma jikkuntentawx biss billi jpinġu iżda jridu li t-tpinġija tagħhom tkun ta’ kwalita’ għolja.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li Mark Sagona kien qed itella’ il-wirja tiegħu f’Malta u f’Għawdex. Hu qal li dan l-artist diġa’ kellu saqajh sodi fuq iż-żewġ naħat tal-pajjiż u kien jawguralu li joħroġ bix-xogħlijiet artistiċi tiegħu barra minn xtutna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261956
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...
PR261955en