Left arrow Go Back

L-EWWEL FESTIVAL INTERNAZZJONALI TA’ MALTA TAL-LOGĦOB TAN-NAR

pr0518
Date Icon 05/04/2006

Il-Festival tal-Logħob tan-Nar daħal fil-ħames sena tiegħu, pero’ minn din is-sena, dan il-Festival se jingħata bixra internazzjonali. B’dan il-ħsieb f’moħħ l-organizzaturi, ser issir l-ewwel edizzjoni tal-Festival Internazzjonali ta’ Malta tal-Logħob tan-Nar, li għal darb’oħra, se jfakkar ukoll it-tieni anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Il-Festival ta’ din is-sena ser isir fil-Port il-Kbir fid-29 u t-30 ta’ April, u huwa garantit li se jagħti gost li dawk kollha li ser jattendu għal dan l-avveniment, għaliex se jkun vetrina ta’ l-aqwa wirjiet pirotekniċi li jaħdmu mhux biss entużjasti Maltin, li s-sengħa tagħhom ġejja minn mijiet ta’ snin ta’ esperjenza, iżda wkoll minn kumpaniji internazzjonali f’dan il-qasam.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech nieda dan il-festival meta ltaqa’ ma’ membri tal-media fil-Valletta Waterfront. Hu qal li din is-sena dan il-festival qed ikun organizzat mit-Taqsima ta’ l-‘Events’ tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, li ġabret flimkien taqsimiet fi ħdan l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta u tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Hu qal li din it-taqsima issa qed tieħu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali, artistiċi u tal-massa, li qabel kienu jkunu organizzati mill-MTA u l-MCCA. Hu qal li barra minnhekk, qed tmexxi bi sħab mal-privat uħud minn dawn l-attivitajiet, filwaqt li qed ikunu identifikati attivitajiet oħra li jistgħu jkunu ta’ interess sew għall-Maltin kif ukoll għat-turisti.

“Il-Festival tal-Logħob tan-Nar, li din is-sena qed jingħata xejra internazzjonali, hu popolari sew mal-Maltin kif ukoll mal-barranin. Dan jiġi organizzat f’April qabel jiftaħ l-istaġun tal-festi f’Malta u Għawdex, u hu għalhekk kampjun ta’ dak li nkunu qed nistennew matul il-ġimgħat kollha tas-sajf,” qal il-Ministru Zammit Dimech.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar jagħti kontribut qawwi biex it-turisti li jkunu qed iżuruna jkollhom esperjenza speċjali ta’ pajjiżna, esperjenza tal-briju, l-ambjent ta’ festa u l-logħob tan-nar li huma parti integrali mill-kultura u l-folklor Malti.

Il-Ministru Zammit Dimech kompla jgħid illi l-festival ta’ din is-sena, qieghed ukoll ifakkar it-tieni anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Hu qal li issa li ilna sentejn membri fl-Unjoni Ewropea, diġ’ bdejna nduqu mill-vantaġġi li din is-sħubija ġabet għal pajjiżna. Hu qal li t-titjib ekonomiku li kellu pajjiżna fl-aħħar sena huwa fil-parti l-kbira riżultat ta’ l-għajnuna li ngħatajna mid-diversi fondi ta’ l-Unjoni Ewropea biex stajna nsaħħu l-infrastruttura, is-setturi ekonomiċi, ambjentali u edukattivi ta’ pajjiżna. Hu qal li t-turiżmu u l-kultura wkoll gawdew minn dawn l-fondi.

Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li għas-sitt snin li ġejjin pajjiżna se jingħata aktar minn 800 miljun euro f’għajnuna, minbarra minn miljuni oħra għal diversi proġetti oħra. Hu qal li dawn il-fondi ser jgħinuna nimmodernizzaw il-pajjiż u nsaħħu l-ekonomija. Meta naraw x’fissret għalina din is-sħubija, hu xieraq li niċċelebrawha bl-aħjar mod; u ghalhekk jemmen li l-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar huwa, għall-Maltin, l-aħjar mezz ta’ ċelebrazzjoni.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA  Malta tlaqqa’ esperti Ewropej dwar l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u s-sostenn lill-familji tagħhom

PR261956

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Europe’s security is directly linked to that of the Mediterranean – Minister Glenn Bedingfield

PR261955en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...

More Press Releases Right arrow