Imniedi l-BOV Micro Financing Package Ġdid - Għajnuna lejn l-Iżvilupp ta’ l-Intrapriżi ż-żgħar
“Il-Micro Financing Package ġdid li qed joffri l-Bank of Valletta kien żviluppat speċifikament sabiex jgħin l-iżvilupp ta’ l-intrapriżi ż-żgħar Maltin.” Dan intqal minn John Soler, Chief Officer responsabbli għall-Kreditu fil-Bank of Valletta waqt it-tnedija ta’ dan il-pakkett finanzjarju ġdid f’konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-BOV Centre, Santa Venera. Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari responsabbli għan-Negozji ż-Żgħar u s-Self Employed u mill-Ing. Ray Muscat, Chief Officer ta’ Malta Enterprise.
“Il-BOV Micro Financing Package tfasslet b’mod li toffri soluzzjonijiet bankarji u finanzjarji diretti u effiċjenti lin-negozji ż-żgħar li issa se jibdew igawdu minn servizz ta’ aktar valur mill-Bank of Valletta,” spjega s-Sur Soler. Huwa żied jgħid, “it-tnedija tal-BOV Micro Financing Package juri kif aħna fil-fatt qed inpoġġu fil-prattika dak li qed inwiegħdu. Meta fassalna dan il-pakkett, l-għan tagħna kien li niffaċilitaw is-suċċess ta’ l-intrapriżi ż-żgħar. Illum, aħna kuntenti li qed inniedu dan il-pakkett ta’ servizzi finanzjarji aċċessibbli li huma tant neċessarji għall-ħidma ta’ kull negozju – pakkett li nittamaw, għandu l-elementi kollha neċessarji sabiex jgħinu lill-intrapriżi ż-żgħar jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom,” qal is-sur Soler.
Il-BOV Micro Financing Package, li qed ikun megħjun mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji ż-Żgħar u s-Self Employed jinkludi għażla sħiħa ta’ soluzzjonijiet finanzjarji maħsuba apposta sabiex jgħinu lill-intrapriżi ż-żgħar fl-iżvilupp ta’ n-negozju tagħhom. Dan jinkludi l-BOV Smart Start, sabiex jgħin lil negozji li għadhom qed jibdew; il-BOV Asset Financing, sabiex jiffinanzja investiment f’assi li huma essenzjali għas-suċċess ta’ n-negozju; il-BOV Business Prosper, mod sempliċi u ‘cost-effective’ għall-bżonn ta’ kuljum ta’ kapital; u l-iSpecific Sector Financing li joffri pakketti finanzjarji maħsuba għal setturi speċifiċi nklużi nisa fin-negozju, membri tal-FOI u gradwati.
Is-Sur Soler qal li l-BOV Micro Financing Package huwa soluzzjoni komprensiva li tipprovdi lis-sidien ta’ negozji żgħar b’soluzzjoni waħda għall-bżonnijiet kollha li jista’ jkollhom.
“Il-pakkett jinkludi wkoll: servizzi ta’ trade finance sabiex jgħinu lin-negozji ż-żgħar iwettqu negozju internazzjonali; għażla ta’ soluzzjonijiet oħra ta’ negozju fosthom servizzi ta’ konsulenza, e-shops, business credit cards, u ħafna iżjed,” temm jgħid is-sur Soler.
L-Onor. Edwin Vassallo qal: “l-imprendituri għandhom bżonn il-finanzi sabiex l-ambizzjoni u l-proġetti tagħhom jibdluhom f’realta’ u b’hekk, itejjbu l-aċċess għal servizzi finanzjarji għan-negozji ż-żgħar. Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji ż-Żgħar u s-Self Employed qed itejjeb ir-relazzjoni li teżisti bejn is-sistema bankarja u l-intrapriżi ż-żgħar billi qed jgħin għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għall-aċċess għal self.”
Is-Segretarju Parlamentari Vassallo żied jgħid, “is-Segretarjat ħadem mill-qrib mal-Bank of Valletta sabiex iniedi dan il-BOV Micro Financing Package li kien adattat b’mod speċifiku sabiex jippremja s-suċċess, iħeġġeġ lin-negozji ġodda, jgħin fit-tkabbir ta’ negozji żgħar u joħloq iżjed xogħol, filwaqt li jiffaċilita l-intrapriżi ż-żgħar. Huwa pakkett li jippromwovi l-inċentivi personali.”
Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li, “l-għajnuna finanzjarja għan-negozji ż-żgħar u s-self employed qatt ma kienet daqshekk konkreta u tanġibbli daqs issa. Issa huwa f’idejn in-negozji ż-żgħar u s-self employed sabiex jagħmlu l-aħjar użu minn din l-għajnuna li qed tingħatalhom. Huwa l-għan tal-Gvern li jiżgura li n-negozji ż-żgħar u s-self employed f’Malta jibqgħu jiżviluppaw f’intrapriżi sostenibbli u profitabbli u l-iżvilupp ta’ dan il-qasam jibqa’ prijorita’ nazzjonali. Il-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari, se jkompli jaħdem mill-qrib mas-settur bankarju lokali u ma’ l-oqsma kollha konċernati sabiex dan jibqa’ jkun żgurat,” temm jgħid l-Onor. Edwin Vassallo.
L-Ing. Ray Muscat qal li “Malta Enterprise hija kuntenta li l-Bank of Valletta fassal dan il-pakkett sħiħ ta’ ffinanzjar b’riżq in-Negozji Żgħar u Medji. Il-pakkett li qed ikun offrut, se jkun ta’ benefiċċju kbir lill-SMEs u intraprendituri potenzjali li qed jaħsbu sabiex jiżviluppaw l-ideat tagħhom f’opportunitajiet ta’ negozju tanġibbli. Huwa interessanti li wieħed jinnota li din l-inizjattiva se tkun qed tindirizza kemm il-bżonnijiet ta’ fixed capital kif ukoll dawk ta’ working capital ta’ l-intrapriżi.
It-tnedija tal-BOV Micro Financing Package hija l-aktar inizjattiva riċenti mill-Bank of Valletta li qed twassal għajnuna għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżejjer Maltin billi qed tiffoka fuq in-negozji żgħar u medji. Din l-inizjattiva ssegwi l-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika li ntlaħaq bejn il-Bank of Valletta u l-Malta Enterprise f’Jannar 2006 li permezz tiegħu, il-BOV sar l-isponsor uffiċjali ta’ l-Innovation Projects ta’ Malta Enterprise kif ukoll il-ftehim milħuq ix-xahar li għadda ma’ Malta Enterprise li permezz tiegħu, il-BOV issa jista’ jwassal l-għajnuna tiegħu lin-negozji żgħar u medji permezz tal-loan guarantee schemes li toffri l-Malta Enterprise, fosthom il-Loan Guarantee Scheme for New Entrepreneurs u l-SME Loan Guarantee Scheme.
Stqarrijiet Oħra:
PR261956
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...
PR261955en