L-EŻAMI TAL-JUNIOR LYCEUM TAĦT IL-LENTI
Pass ieħor fl-iżvilupp fis-sistema edukattiv li ser iwettaq il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni huwa analiżi tar-raġuni u l-kwalita` ta’ l-eżami tal-Junior Lyceum biex jitfasslu rakkomandazzjonijiet għall-futur. Dan ix-xogħol ser isir mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni bl-għajnuna ta’ l-istess grupp li ħejja r-rapport dwar l-eżamijiet MATSEC. Il-Ministeru jrid li jibda x-xogħol biex jiġu żviluppati n-national benchmarks fi stadji ta’ żvilupp edukattiv differenti ta’ l-istudenti fl-iskejjel kollha f’Malta u Għawdex.
Dan ħabbru l-Ministru Louis Galea, Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, meta ħa sehem fl-Open Day li saret fl-iskola primarja ta’ Ħal Luqa, li nbniet mill-ġdid u ser tiġi inawgurata mill-Prim Ministru l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi nhar it-Tlieta li ġej. Il-proġett sar kollu kemm hu mill-Gvern ċentrali b’investiment ta’ miljun lira.
Il-Ministru Galea inawgura ground bit-terf sintetiku li nbena apposta biex it-tfal ta’ l-iskola jkollhom fejn jilgħabu u jagħmlu l-eżerċizzji fiżiċi u biex ikun jista` jsir taħriġ u kompetizzjonijiet tal-futbol fil-ground li f’dan l-istadju għandu qies ta’ 5-a-side. Il-Ministeru, l-iskola u l-Klabb tal-Futbol f’Ħal Luqa ser jidħlu fi ftehim kif il-ground ikun jista` jintuża għan-nursery tal-futbol ta’ dan il-lokal. Il-Kap tal-iskola, Carmen Tedesco, u l-għalliema u l-ħaddiema ta’ l-iskola organizzaw din l-Open Day li fiha ħadu sehem kwantita` kbira ta’ tfal, żgħażagħ, nisa u rġiel minn Ħal Luqa.
Waqt li kien qed jitkellem mal-ġenituri li żaru l-iskola, il-Ministru Louis Galea ħabbar li wara li rċieva r-rapport fuq l-eżamijiet tal-MATSEC, issa ser issir analiżi kritika tas-sistema ta’ l-eżami tal-Junior Lyceum. “Fir-rapport BIEX ULIEDNA JIRNEXXU LKOLL, hemm propost li l-iżvilupp edukattiv tat-tfal u l-istudenti fl-iskejjel sew ta’ l-Istat u mhux ta’ l-Istat jitkejjel fi stadji differenti, fil-livell primarju u sekondarju, permezz ta’ national benchmarks. B’hekk il-ġenituri jkollhom idea aħjar ta’ fejn ikunu waslu uliedhom, paragunat mat-tfal kollha Maltin u Għawdxin ta’ l-eta` tagħhom. L-analiżi ta’ l-eżami tal-Junior Lyceum huwa l-ewwel pass f’din id-direzzjoni,” fisser il-Ministru Galea.
“L-istudju ser jeżamina r-raġuni u l-kuntest edukattiv ta’ dan l-eżami, inkluż bi studju komparattiv dwar x’jiġri f’sistemi edukattivi oħra, bl-iskop li jkollna informazzjoni oġġettiva li tgħina nifhmu x’deċiżjonijiet għandna bżonn nieħdu. Din l-analiżi ser tinkludi studju dwar l-impatt li l-eżami qed ikollu, fl-aħħar parti tal-livell primarju u fil-livell sekondarju, fuq kull min hu involut - min qed jitgħallem, min qed jgħallem u l-ġenituri.
Fl-analiżi l-esperti ser jisimgħu l-esperjenzi diversi ta’ studenti, għalliema u ġenituri u ser jaraw il-kwalita` ta’ dan l-eżami mill-perspettiva ta’ sillabi, il-kontenut u l-ħiliet li qed jiġu stmati, u ħwejjeġ oħra li jitfgħu dawl fuq l-iżvilupp edukattiv ta’ l-istudenti. Bħar-rapporti kollha li nieda l-Minsiteru ta’ l-edukazzjoni, anke dan ir-rapport ser jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li l-grupp jidhirlu li jkunu meħtieġa,” spjega Louis Galea.
L-Open Day fl-iskola primarja ta’ Ħal Luqa bdiet b’quddiesa, li ġiet segwita minn Festa tar-Rebbiegħa b’attivita` u wirjiet u għal kull eta`. Il-ground ġie inawgurat b’tournament bejn diversi timijiet li qed jigi organizzati mill-Klabb tal-Futbol Luqa Saint Andrews ta’ Ħal Luqa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261956
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...
PR261955en