Wirja ta’ pittura mill-artist Chris Zarb
Wirja ta’ xogħlijiet artistiċi mtella’ mill-artist żagħżugħ Chris Zarb ittellgħet fil-lukanda Le Meridien Phoenicia u ġiet inawgurata mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Dr. Francis Zammit Dimech.
Chris Zarb tgħallem l-arti waħdu u għalhekk għandu sens qawwi ta’ identita’. Hu beda jieħu sehem f’wirjiet riċentament u x-xogħlijiet tiegħu mill-ewwel intlaqgħu tajjeb minn dawk li jħobbu l-arti u mill-kritiċi. Fit-Tielet Kompetizzjoni Nazzjonali ta’ l-Arti, Chris ingħata premju għall-pittura tiegħu “Edge of Nowhere”.
Minn Mejju 2004, Chris Zarb ħa sehem fi tmien wirjiet kollettivi li ttellgħu f’Malta. Is-sena l-oħra tella’ żewġ wirjiet waħdu: “Sole Imagery” fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone fil-Mosta fi Frar u “Contemplation” fil-Heritage Malta il-belt Valletta bejn Settembru u Ottubru fejn esibixxa 25 pittura fiż-żejt u l-akrilika.
Meta inawgura l-wirja ta’ Chris Zarb, il-Ministru Zammit Dimech fakkar li f’dawn l-aħħar snin in-numru ta’ wirjiet li qed jittellgħu qed jikber. Hu qal li dan hu sinjal pożittiv għaliex juri l-interess dejjem ikbar fis-settur kulturali, l-aktar fejn tidħol l-arti. Hu qal li qed jikber ukoll l-interess miż-żgħażagħ fl-arti li llum qed jifhmu li għandhom quddiemhom opportunitajiet li qabel ma kienux jeżistu.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea feħet għall-artisti tagħna orrizonti biex dawn ikomplu l-istudju tagħhom barra xtutna u biex itellgħu wirjiet fil-24 pajjiż l-ieħor ta’ l-UE. Hu qal li ħafna żgħażagħ diġa ħatfu dawn l-opportunitajiet u qed jisfruttawhom biex ikomplu jagħmlu suċċess fil-ħidma artistika tagħhom.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li Chris Zarb kien artist oriġinali fil-ħidma tiegħu li minħabba li tgħallem waħdu ma kellux influwenza diretta fix-xogħlijiet tiegħu. Hu qal li din l-oriġinalita’ tidher f’ħidmietu u għandha tkompli tipproġġetah ’il quddiem. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura feraħ lil Chris Zarb għall-wirja tiegħu u awguralu kull suċċess.
Stqarrijiet Oħra:
PR261956
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...
PR261955en