L-attivitajiet tradizzjonali l-aqwa reklam għal pajjiżna
Ir-Regatta tal-31 ta’ Marzu nżammet illum u ħadu sehem fiha l-clubs tar-regatta ta’ Marsamxett fil-belt Valletta; Kalkara; Birgu; Bormla; l-Isla; l-Marsa u Birżebbuġa.
B’kollox din is-sena kien hemm għaxar tiġrijiet maqsuma f’żewġ taqsimiet: Open-Section A u Reserves-SectionB.
Aktar kmieni din is-sena twaqqfet il-Kummissjoni Regatta, mmexxija minn Nazju Abela bħala Chairman; Joseph Borda deputy Chairman; Anton Miceli Segretarju Eżekuttiv; u minn Gaetano Cuschieri bħala Chairman; Tony Abela, Charles Caruana, Bertie Muscat, Alfred Formosa u Norbert Pace. Sammy Busuttil u Anthony Caruana jirrappreżentaw lill-Għaqda Regatta Nazzjonali fuq il-Kummissjoni Regatta li hi sotto-kumitat tal-Kummissjoni Festi Nazzjonali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech ippreżenta x-shields lir-rebbieħa. Hu qal li r-regatta kienet daħlet f’pajjiżna biex infakkru r-rebħa tal-Maltin fl-Assedju l-Kbir ta’ l-1565 fit-8 ta’ Settembru ta’ kull sena. Din it-tradizzjoni nfirxet biex bdiet issir regatta oħra fil-31 ta’ Marzu, il-jum li fih għalqu l-istabilimenti tas-Servizzi Militari Ingliżi fl-1979, skond ftehim milħuq mal-Gvern Malti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li r-regatta kienet attivita’ tradizzjonali importanti għaliex il-mod kif tiġi organizzata tiddistingwina mill-mod kif regatti simili jkunu organizzati f’pajjiżi oħra u għalhekk tkompli tagħtina dik l-identita’ li tagħmilna Maltin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-clubs tar-regatta f’Malta jagħtu kontribut siewi biex inżommu ħajja tradizzjoni li ilha nieżla minn ġenerazzjoni għall-oħra. Hu qal li dawn il-clubs, jew għaqdiet voluntarji, jaħdmu bla heda biex ikollhom il-fondi meħtieġa biex jibnu d-dgħajjes li jipparteċipaw fir-regatta. Hu qal li dawn jaħdmu bla heda biex isibu l-qaddiefa li b’sagrifiċċji mhux żgħar, jitħarrġu għal dawn it-tlielaq.
Il-Ministru Zammit Dimech appella lill-għaqdiet, parteċipanti u spettaturi biex f’attivitajiet bħal dawn iżommu quddiem nett l-ispirtu sportiv u ma jsir xejn li joħloq tensjoni jew li jagħmel ħsara lir-regatta. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li attivitajiet bħal din ikunu wkoll segwiti minn turisti li jkunu qegħdin iżuruna u li magħna jipparteċipaw bħala spettaturi f’dawn it-tlielaq. Hu qal li kien jemmen li anke r-regatta tgħin biex it-turist jagħmel miż-żjara tiegħu f’pajjiżna esperjenza sabiħa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura radd ħajr lill-għaqdiet kollha li jorganizzaw din ir-regatta. Hu qal li ried ukoll jirringrazzja lill-Kumitat Organizzativ għall-ħidma tiegħu biex din ir-regatta tkun organizzata bl-aħjar mod possibbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261956
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...
PR261955en