“TINGĦATA GĦAJNUNA LIL ARTIĠJANA MALTIN FIS-SETTUR TAL-MANIFATTURA TAĊ-ĊERAMIKA” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
Investiment ta’ EURO 295,000 għal turiżmu fil-qasam ta’ l-artiġjanat
“Ser inkunu qegħdin naħdmu ma’ artiġjana Maltin u Sqallin biex nippromwovu l-artiġjanat taż-żewġ pajjiżi. Dan qiegħed isir permezz ta’ parteċipazzjoni fi programm ta’ l-Unjoni Ewropea mmirat lejn is-settur tal-manifattura taċ-ċeramika u l-fuħħar. Il-programm li għalih applika s-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed huwa l-Interreg III.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li għaliha pparteċipaw mhux biss numru ta’ ċeramisti Maltin li ser ikunu qegħdin jipparteċipaw f’dan il-programm, iżda wkoll rappreżentanti Taljani tad-diversi entitajiet li flinkien mas-Segretarjat qegħdin jorganizzaw il-programm.
Preżenti kien hemm Venerando Rapisardi, Direttur tal-proġett, u Giuseppe Montalbano, it-tnejn mill-Comune di Sciacca, Dennis Borg mill-Maltese Italian Chamber of Commerce, Maria Stassi u Giovanni Borsellino bħala konsulenti, Giuseppe Montalbano, li huwa l-President Regjonali CNA, u Alessandra Insalaco li hija konsulenta tas-CNA. Il-programm qiegħed jinħadem ukoll mas-Socjeta` Maltija għall-Arti, Manifattura u Kummerċ, u mal-Confartigianato.
Il-lokalita’ ta’ Sciacca, fi Sqallija, hija famużi għall-manifattura taċ-ċeramika u artiġjana Maltin ser ikollhom l-opportunita` li jaqsmu esperjenzi ma’ artiġjana minn dawn il-lokalitajiet. Il-parteċipazzjoni f’dan il-programm min-naħa tas-Segretarjat saret ukoll b’kollaborazzjoni ma’ l-Impetus Europe Consulting Group, u tirrappreżenta din il-kumpanija kien hemm Philippa Said.
Is-Segretarju Parlamentari Vassallo kompla billi jgħid li “l-parteċipazzjoni f’dan il-programm huwa pass ieħor fl-impenn tagħna li naċċertaw li 300 imprenditur Malti jipparteċipaw fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, permezz ta’ dan il-programm ser ikun hemm 50 imprenditur li ser jipparteċipaw fi proġett ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-programm għandu ħafna vantaġġi għal dawk kollha li jaħdmu fis-settur taċ-ċeramika u fil-fatt qiegħed isir investiment totali ta’ EURO 295,930, jiġifieri madwar Lm130,000, f’dan il-proġett, li jissarfu f’opportunitajiet għal artiġjana Maltin u Taljani. 70% minn dan l-ammont huma fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, filwaqt li t-30% l-oħra ser isiru permezz ta’ kontribuzzjonijiet, kemm fi flus u kontribuzzjonijiet oħra, minn dawk li qegħdin jipparteċipaw fil-proġett.
L-objettivi ta’ dan il-proġett huma ħafna, u fost l-oħrajn ser ikun hemm:
- Feasibility Study b’kollaborazzjoni ma’ l-Italja u pajjiżi oħra fil-Mediterran
- Studju, diżinn u ħolqien ta’ prodotti Mediterranji taċ-ċeramika u ċ-ċaqquf
- Vjaġġi apposta u reklamar ta’ artiġjanat f’Malta u Sqallija
- Żvilupp ta’ web-site dwar l-artiġjanat
- Lista ta’ ċeramisti Maltin
- Borża ta’ studju fi Sqallija għal studenti tal-kulleġġ ta’ l-MCAST ta’ l-Art and Design
- 25 ċeramist jkunu jistgħu jattendu symposium dwar din is-sengħa fi Sqallija
- 20 aġenzija tal-vjaġġi ser jikkollaboraw ma’ sħab Sqallin dwar skambji turistiċi bejn iż-żewġ pajjiżi
- Ħames rappreżentanti ta’ skejjel ser ikunu jistgħu jitgħallmu aktar dwar il-prodotti artiġjanali u dwar ċeramika fl-Italja.
Hemm numru ta’ benefiċċji li ser tieħu Malta bil-parteċipazzjoni f’dan il-programm. Fost dawn hemm:
- Il-ħolqien ta’ linja ta’ ċeramika artiġjanali magħrufa bħala “La Mediterranea”
- Promozzjoni aħjar taċ-ċeramika u ċ-ċaqquf f’Malta
- Lista ta’ ċeramisti Maltin
- Studju tal-faċilitajiet turistiċi rrelatati ma’ l-industrija ta’ l-artiġjanat
- Kollaborazzjoni aħjar ma’ artiġjana Sqallin li huma sħab f’dan il-proġett.
- Identifikazzjoni ta’ kollaborazzjoni fil-ġejjieni bejn iż-żewġ pajjiżi fl-industrija ta’ l-artiġjanat.
L-Onor. Edwin Vassallo kompla billi qal li “l-impenn tal-Gvern huwa li jara li negozji żgħar iħarsu lejn is-swieq f’pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, għaliex f’dawk is-swieq hemm possibiltajiet fejn inkabbru n-negozji tagħna. Fil-qasam tal-manifattura taċ-ċeramika rridu nħarsu lejn manifattura li twassal għall-produzzjoni ta’ prodotti b’valur miżjud. Jekk ikollna dawn il-prodotti ta’ kwalita` għolja biss inkunu kapaċi nilqgħu għall-isfida li jiffaċċja l-artiġjanat Malti minn prodotti importati, partikolarment miċ-Ċina.
“Attenzjoni partikolari ser tingħata lil negozji li għandhom il-konvenju f’Ta’ Qali, għaliex hemmhekk il-Gvern ukoll huwa mpenjat li jara li dawk is-sidien jirritornaw għall-manifattura b’valur miżjud, manifattura ta’ kwalita`, oriġinalita` u ġenwinita`. Dan il-programm huwa maħsub li jlaqqa’ flimkien artiġjana li jispeċjalizzaw fil-manifattura ta’ ċeramika minn reġjuni differenti u qiegħed jinħadem bi sħab bejn Malta u Sqallija.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261956
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...
PR261955en