Il-Ministru Ninu Zammit Iqassam Warrants lill-Periti - Jiġi ntrodott il-Log Book għall-Periti l-ġOdda
L-aqwa investiment tal-pajjiż huwa fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Gvern preżenti huwa mpenjat sabiex, filwaqt li joffri l-aqwa edukazzjoni, joħloq ukoll opportunitajiet tax-xogħol li jiggarantixxu impjiegi sostenibbli.
Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Ninu Zammit meta kien qed iqassam “warrants” lill-għaxar Periti ġodda. Ir-rwol tal-Perit fil-ħajja ta’ llum m’huwiex biss li jippjanta, jiddisinja u jissorvelja xogħlijiet tal-kostruzzjoni, iżda għandu wkoll ir-responsabbilita` li dak li jiddisinja jkun kompatibbli ma’ l-ambjent, mal-klima u ma’ l-istil ta’ l-arkitettura f’pajjiżna. Hawnhekk il-Ministru Zammit irrefera għall-konservazzjoni ta’ l-enerġija fil-bini ta’ pajjiżna. Hu spjega li l-mod kif aħna nibnu u l-istil tal-bini tagħna għandu jħares lejn użu ta’ materjal, qisien tat-twieqi, il-mod kif il-bini jiġi msaqqaf u affarijiet tekniċi oħra, bl-iskop li l-enerġija tintuża bl-aktar mod effiċjenti teknikament possibbli fi kwalunkwe tip ta’ bini.
Il-Ministru Ninu Zammit ħabbar ukoll li minn din is-sena se jiġi ntrodott Log Book li se jgħin lill-Periti sabiex fl-aħħar sena ta’ studju jkunu jistgħu jikkombinaw it-teorija u l-prattika qabel ma jidħlu fil-qasam tax-xogħol.
Dan il-Log Book hu maqsum fi tlett partijiet fejn fl-ewwel parti hemm linji ta’ gwida kemm għall-istudenti, kif ukoll ghal min qed iħaddem. Fit-tieni parti l-istudent se jkun mitlub li jkopri ħames attivitajiet li kollha għandhom x’jaqsmu ma’ l-arkitettura fosthom id-disinn, konsulenza u/jew tfassil ta’ kuntratti. L-aħħar parti hija aktar iffukata fuq il-proġetti nfushom u hawnekk l-istudent se jkun mitlub li jniżżel l-ammont ta’ proġetti li hu ħadem fuqhom u x’kien ir-rwol prinċipali tiegħu.
Il-Ministru kompla jgħid li l-iskop ta’ dan il-Log Book huwa sabiex kemm l-istudent kif ukoll il-kumpanija/entita` li tkun se tingaġġa l-Periti futuri jkollhom stampa ċara tal-kapaċitajiet u l-ispeċjalizzazzjoni ta’ l-istudent li jkun se jidħol fid-dinja tax-xogħol. Il-Log Book għandu jservi ta’ għodda sabiex it-teorija u l-prattika jiġu minsuġa flimkien ħalli l-arkitettura tkompli tiġi aġġornata u fl-istess ħin il-periti jkollhom bażi akkademika fuq sisien aktar sodi. Dan il-Log Book tħejja mill-Bord tal-Periti b’konsultazzjoni mal-Kamra tal-Periti u l-Universita`.
Il-Perit Ninu Zammit temm id-diskors tiegħu billi awgura kull suċċess għall-futur lill-Periti l-ġodda li ser ikunu qed jipprattikaw din il-professjoni tant partikolari u essenzjali. Huwa enfasizza l-fatt li l-perit għandu jkun imħarreġ biex bl-aktar mod ekonomiku u professjonali jkun kapaċi jattwa l-kunċett ta’ disinn fi struttura jew bini b’użu ta’ materjali li jiggarantixxi prodott li jiffunzjona b’effiċjenza fl-użu ta’ enerġija, jiffitja fl-ambjent li jkun lokalizzat fih kif ukoll li jaqdi l-funzjoni li għaliha jkun ġie mibni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955