JIDĦOL FIL-FAŻI FINALI L-PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI DWAR IT- 13–IL PROĠETT PROPOSTI GĦAT-TITJIB TAT-TOROQ TAT-‘TEN-T NETWORK’ TA’ MALTA
Illum saret l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar sitt proġetti proposti biex jittejjeb in-network ta’ toroq li jagħmlu parti mit-Trans European Network – Transport (TEN-T) fin-nofsinhar ta’ Malta.
Il-laqgħa kienet l-aħħar fażi fil-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Gvern u l-Awtorità dwar it-Trasport qabel jibdew it-tħejjijiet biex ix-xogħol fuq dawn il-proġetti jkun jista’ jibda kmieni s-sena d-dieħla – hekk kif jidħol fis-seħħ il-perjodu finanzjarju l-ġdid tal-Unjoni Ewropea. Laqgħa simili għall-proġetti li hemm proposti għat-tramuntana ta’ Malta ser issir il-ġimgħa d-dieħla.
Fi Frar tas-sena l-oħra, il-Gvern kien identifika 13–il proġett għal titjib f’toroq arterjali li jiffurmaw parti mit-TEN-T ta’ Malta, liema proġetti jistgħu ikunu eleġibbli għall-finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea bejn is-snin 2007 u 2013. Stimi inizjali jpoġġu in-nefqa totali fuq dawn il-proġetti għal madwar €315 miljun.
Fi preżentazzjoni qasira fil-bidu tal-laqgħa, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li issa li għaddej ġmielu x-xogħol fuq erbgħa mis-sebgħa proġetti finanzjati mill-Fond Strutturali u l-Fond ta’ Koezjoni, il-Gvern issa qed jaħseb biex joħroġ l-ewwel tenders minn pipeline ta’ proġetti ġodda biex Malta tkun tista’ tibda tibbenefika mill-ewwel, mit-€805 miljun li ġew allokati lilha fil-budget ta’ bejn l-2007 u l-2013.
Il-Ministru spjega li wara studji li kienu saru fis-sena 2000 u n-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea, l-UE kienet iddeċidiet li ddaħħal l-ajruport, erba’ portijiet u 51 kilometru ta’ toroq arterjali fit-Trans European Network – Transport (TEN-T) tagħha. Sistemi tat-trasport inklużi fit-TEN-T jistgħu jittejjbu b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond ta’ Koeżjoni.
Minħabba li proġetti ta’ titjib fuq it-TEN-T jrid jkunu ekonomikament u ambjentalment vijabbli, u jrid ikollhom l-permessi kollha meħtieġa il-proċess biex ikunu identifikati l-proġetti meħtieġa fuq in-network tat-toroq, l-iddiżinjar tagħhom, l-environment impact assessments u l-feasibility studies kienu bdew sentejn ilu. Fis-sena 2003 il-Gvern kien ikkummissjona studju biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet eżistenti fuq it-TEN-T road network ta’ Malta. Dan l-istudju kien sar mill-kumpannija Franċiża BCEOM. Kienu identifikati 13–il proġett li bejniethom ser iwasslu biex it-toroq tan-TEN-T network ta’ Malta jittellgħu għall-ogħla standards fil-kostruzzjoni tat-toroq.
Il-Ministru qal li dawn il-proposti jagħtu stampa ċara ta’ kif jistgħu jinbnew mill-ġdid 14-il kilometru ta’ toroq, jitwessgħu 12.2 kilometri oħra u jsir re-alignment ta’ 2.3 kilometri oħra. Hemm proposti għal bypass ġdida fix-Xemxija, u għal proġetti ta’ rijabilitazzjoni ta’ 18-il pont, bdil ta’ 11-il pont ieħor, it-tneħħija ta’ tnejn u l-bini ta’ 9 ġodda. It-tliet mini li hemm matul ir-rotta ukoll huma proposti li jittejbu filwaqt li hemm propost il-bini ta’ tliet mini ġodda.
Is-sitt proġetti li kienu ttrattati fil-laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika tal-lum kienu:
Proġett I - It-titjib ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Garibaldi f’Ħal Luqa
Proġett II - Il-ħolqien ta’ grade separated junction fil-Marsa u t-titjib tat-triq kollha sal-junction tal-Ħamrun Bypass (Roundabout tal-Wands)
Proġett III - It-titjib tal-interchange bejn il-mini ta’ Santa Venera u l-bypass tal-Imrieħel
Proġett IV - It-titjib tal-interchange fil-Wied tal-Imsida
Proġett XII - Il-ħolqien ta’ junction ġdida lejn it-triq tas-Sea Passenger Terminal u t-titjib tagħha
Proġett XIII – It-titjib tar-Rotta Nru.6 li tgħaqqad il-Marsa mal-Belt Valletta
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li matul is-sena li għaddiet il-proposti għal dawn il-proġetti għaddew minn bosta verżjonijiet. Hu qal li l-proċess ta’ konsultazzjoni huwa importanti biex jkunu antiċipati u evitati kontroversji li jistgħu jinqalgħu waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet. Fil-fatt il- proposti li ġew ppreżentati llum huma l-frott ta’ titjib u rfinar kontinwu li ħareġ wara bosta laqgħat ma’ stakeholders varji.
Il-Ministru Mugliett qal li minħabba li l-perjodu tal-budget tal-UE huwa wieħed twil, madwar sitt snin, inħasset il-ħtieġa li dawn il-proġetti jingħataw prijoritajiet differenti.
Fil-fatt il-Gvern diġa identifika il-Proġett XII – jiġifieri l-bini tat-triq bejn Triq Diċembru 13 u l-Cruise Liner Passenger Terminal bħala wieħed minn dawk li jkun jista jibda x-xogħol fuqu kmieni s-sena d-dieħla.
“It-tmiem tal-proċess ta’ konsultazzjoni ser iwassal għall-finalizzazzjoni tal-proposti dwar dawn il-prġetti. Illum fadal biss li l-Kabinett jgħażel il-prijoritajiet għal liema proġetti jistgħu ikunu finanzjati mill-UE. Dan għandu jpoġġina f’pożizzjoni eċċellenti biex noħorġu l-ewwel tenders matul is-Sajf biex ix-xogħol fuq dawn il-proġetti jkun jista’ jibda kmieni s-sena d-dieħla.
“Dawn il-proġetti huma l-aktar ħolqa importanti biex isseħħ il-viżjoni tal-Gvern li Malta jkollha network ta’ toroq li tassew jixraq lil pajjiż modern.
“Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa għalhekk il-pedament li rridu nitilqu minnu biex niżguraw li jkollna katina ta’ proġetti ta’ bini ta’ toroq li pajjiżna qatt ma ra bħalha u li tassew tkompli ġġib ‘l-pajjiż ‘l quddiem u ttejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
Stqarrijiet Oħra:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955