DISKORS MILL- ONOR LOUIS DEGUARA, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, FIL-KONFERENZA “DEVELOPING NURSING STRATEGY THROUGH CONSULTATION” – IL-ĦAMIS, 23 TA’ MARZU 2006 - SALINA
Inselmilkom
Hu ta’ pjaċir kbir għalija li niftaħ konferenza oħra fis-serje ta’ konferenzi annwali organizzati mid-Direttorat għas-Servizzi Infermeristiċi. Id-Dipartiment din is-sena għażel li jittratta s-suġġett ‘Developing Nursing Strategy Through Consultation’ fl-isfond ta’ l-iżvilupp u provediment tas-servizzi ta’ kura tas-saħħa. Jien nikkonsidra l-għażla tas-suġġett bħala waħda għaqlija għaliex il-Gvern iqis il-konsultazzjoni bħala għodda essenzjali fir-relazzjoni tiegħu mal-ħaddiema.
Quddiemna għandna sfidi kbar li ilna nippreparaw għalihom għal numru ta’ snin. Sar ħafna xogħol biex biddilna numru ta’ liġijiet li jirrigwardjaw il-qasam tas-saħħa. Dan għamilnieh biex issa nistgħu nagħmlu l-pass li jmiss. Barra min hekk fl-Lulju tal-2007, se jinfetaħ l-isptar Mater Dei. Il-ħsieb tagħna hu li sa dak iż-żmien inkunu rfinajna għal aħjar il-mogħdi li naħdmu, għalhekk xi xhur ilu konna tajna bidu għall-proċess ta’ konsultazzjoni u negozjati mal-unions kollha. Dawn il-modi li jolqtu l-kura tal-pazjent, jolqtu mill-aktar viċin il-metodu kif din il-kura se tingħata mill-professjonisti fosthom l-infermiera.
Sa mill-bidu tal-proġett tal-bini ta’ Mater Dei l-gvern ikkonsulta bl-aktar mod wiesgħa ma’ dawk li se jaħdmu f’dan l-isptar billi ġew imwaqqfa 52 Commissioning Teams li ntgħalbu jiddiskutu u finalment jagħtu parir lill-gvern dwar faċilitajiet li huma xtaqu jaraw fil-post ġdid tagħhom. Bħalissa għaddejjin ukoll konsultazzjonijiet ma’ diversi unions tal-ħaddiema biex flimkien inkomplu ntejbu l-għoti tas-servizzi ta’ kura tas-saħħa minn Mater Dei. Il-gvern japprezza ferm il-kontribut li r-rappreżentanti tal-ħaddiema qegħdin jagħtu f’dawn id-diskussjonijiet. Aħna deċiżi li nisimgħu u niddiskutu pero’ wieħed irid jifhem li finalment il-gvern għandu jerfa r-responsabiltà tad-deċiżonijiet. Aħna fiduċjużi li bil-koperazzjoni ta’ kulħadd naslu għal deċiżjonijiet li jgawdu minnhom l-impjegati imma fuq kollox il-pazjenti.
L-isptar Mater Dei qiegħed joffri opportunitajiet kbar lill-infermiera biex ikomplu jiżviluppaw fil-professjoni tagħhom. Ħafna minnkom diġa’ raw b’ għajnejhom il-bini u l-faċilitajiet li dan l-isptar se joffri. L-ambjent hu bil-bosta aħjar minn dak ta’ St Luke’s u jippermettilek taħdem b’mod aktar trankwill. Mater Dei se joffri ukoll l-opportunità biex l-infermiera jipprattikaw aħjar dak li tgħallmu matul is-snin. Irrid hawnhekk naċċenna għal ħidma kbira li l-gvern wettaq f’ dawn l-aħħar snin biex l-infermiera jkunu aktar preparati fix-xogħol tagħhom. Illum il-poplu Malti qiegħed jaħsad il-frott mid-deċiżjoni għaqlija li l-gvern kien ħa meta waqqaf l-Istitut għall-Kura tas-Saħħa. Minn dan l-istituzzjoni ħarġu bosta infermiera kwalifikati li għenu mhux ftit biex il-kwalità tas-servizz titjieb u minn dan kollu iggwadanja l-pazjent. Għadda ż-żmien meta konna niġru wara l-kwantità. Illum qegħdin infittxu aktar il-kwalità. Irid ukoll insemmi l-avvanz akkademiku li seħħ u li fetaħ għal infermieri orizzonti ġodda anki barra pajjiżna.
Kif kulħadd jaf issa ilna għal numru ta’ xhur niffaċjaw il-problema ta’ iffullar fis-swali ta’ l-isptar San Luqa. Dan hu ta’ uġiegħ ta’ ras kbir għalina għaliex ma nistgħux nagħtu dik il-kura personalizzata lill-pazjenti. Dan l-iffullar qiegħed ukoll iżid il-pressjoni fuq il-ħaddiema ta’ l-isptar b’mod partikolari l-infermiera. Mingħajr tlaqliq nixtieq nirringrazzja lill-infermiera kollha tal-ħidma ma taqta xejn li jwettqu ta’ kuljum f’ ċirkustanzi kultant diffiċli.
Kif forsi diġa’ tafu l-gvern ħa deċiżjoni li jibni faċilità għar-riabilitazzjoni biex inaqqas l-iffullar mis-swali ta’ San Luqa. Din il-faċilità se jkollha mal-280 sodda u se tieħu fiha l-pazjenti li sal-lum kienu jingħataw riabilitazzjoni f’ Zammit Clapp kif ukoll pazjenti oħra ta’ età anqas minn 60 sena. Sal-lum dawn kienu jingħataw riabilitazzjoni fl-isptar San Luqa u f’Boffa. Barra minnhekk id-Diviżjoni qed timmodernizza sala ġewwa l-isptar Monte Carmeli biex tieħu mal-34 social cases mis-swali ta’ l-isptar San Luqa. Se jiżdiedu ukoll immedjatament is-sodod fir-residenza f’ San Vincenz. Għal nofs is-sajf hu pjanat li tiġi nawgurata s-sala l-ġdida tan-nisa fir-residenza ta’ San Vincenz. Bħalissa ukoll il-pjanijiet għal bini tad-dar ġdida għall-anzjani fil-Mellieħa huma avvanzati ħafna u l-bini mistenni jibda fix-xhur li ġejjin.
Dawn id-deċiżjonijiet kollha jitolbu investiment kapitali qawwi kif ukoll investiment f’riżorsi umani u taħriġ adatt għall-impjegati. Marbuta ma l-isfida demografika hemm il-ħtieġa li jissaħħaħ il-qasam tal-kura primarja. Dan is-settur ma jissaħħahx billi sempliċiment taqbad u timpjega n-nies biex iżomm iċ-ċentri tas-saħħa miftuħa 24 siegħa. Hija x-xewqa tagħna li matul din il-konferenza nisimgħu minn għandkom kif taħsbuha dwar dan is-settur. Minkejja n-numru kbir ta’ servizzi li diġa’ nipprovdu fil-qasam ta’ kura primarja hemm lok fejn dawn jitjiebu u jkunu aktar cost effective. Bħalissa għaddej proġett pilota bejn il-Gvern u żewġ Kunsilli Lokali fejn qed jingħata servizz ta’ injezzjonijiet ta’ insulini lill-anzjani li huma konfinati f’darhom. Dan is-servizz qiegħed jingħata minn infermiera rtirati mqabbdin mill-kunsilli lokali. Jekk dan jirnexxi, kunsilli lokali oħra jiġu offruti l-istess opportunità. Il-kwalità tas-servizz tiddependi ħafna fuq kif jitwassal l-istess servizz fil-ħin u b’ kumdità għall-pazjent.
Fil-qasam tal-kura primarja, qed nindirizzaw ukoll il-kwistjoni tat-taħriġ għall-infermiera. Il-ġimgħa li għaddiet għadu kemm beda kors ta’ taħriġ f’ħiliet ta’ tmexxija u l-iżvilupp ta’ l-irwol ta’ l-infermiera fil-qasam tal-kura primarja. Għandna l-ħsieb li kif diġa’ qed nagħmlu ma’ l-infermiera fil-qasam tal-kura mentali, noffru possibiltà lill-infermiera jsegwu baċellerat fl-istudji infermeristiċi fil-kura primarja. Mhux eskluż li jiġu akkwistati xi boroż ta’ studju f’livell aktar avvanzat.
Ma’ l-isfidi li toffrilna l-kura fil-komunità għandna sfida oħra li qegħda wara l-bieb – dik tal-migrazzjoni għall-isptar Mater Dei. M’għandix dubju li kif igħidu bl-Ingliż, we are going to rise to the occasion. Dan għaliex jien konvint mill-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħkom biex nagħmlu dan. Din il-migrazzjoni teħtieġ pjanar bil-għaqal u kapaċità kbira ta’ tmexxija. Jiena nħoss li din il-kapaċita’ tinsab fikom u se tkun fl-aqwa tagħha matul is-sentejn li ġejjin.
Huma dawn il-ħsibijiet f’moħħna li jixprunawna li nsibu soluzzjonijiet u sistemi kreattivi u innovattivi biex inkunu nistgħu nżommu dak li s’issa akkwistajna u nimxu ’l quddiem. Din il-konferenza ġabritna hawnhekk biex nesploraw mgħodijiet li jwassluna biex inwettqu il-viżjoni tagħna. Kif se nagmlu dan? Billi nissieħbu f’din il-mixja flimkien ma’ l-istakeholders kollha. Għandkom tħossukom privileġġati mill-opportunità li qed tiġi offruta lilkom biex tikkontribwixxu u tfasslu l-ġejjieni. M’għandix dubju li flimkien bil-ħila tagħkom naslu bex nilħqu l-miri tagħna.
Konferenza bħal din hija strument mill-aktar siewji ta’ konsultazzjoni.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955