TWEĠIBA GĦALL-ISTQARRIJIET TAS-CMTU, L-UĦM u l-GWU
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr. Louis Galea jieħu nota ta’ l-istqarrijiet ta’ appoġġ tas-CMTU, l-UĦM u l-GWU għall-azzjoni industrijali ta’ l-MUT.
B’riferenza partikolari għall-istqarrija tas-CMTU, il-Ministru ma jaqbel xejn li l-istqarrija tiegħu tal-bieraħ tista` b’xi mod tkun interpretata bħala “intimidatorja fil-konfront tal-Kapijiet u Assistenti kapijiet ta’ l-iskejjel.”
Fl-istqarrija tiegħu l-bieraħ il-Ministru spjega li huwa ma għandux mezzi biex iwassal l-istudenti siegħa tard fl-iskejjel għada l-Ħamis. Minkejja kuntatti mal-kuntratturi tat-trasport dawn ma jistgħux ibiddlu l-iskedi tagħhom. Dan ifisser li biex ma tintilifx ġurnata sħiħa ta’ skola, it-tfal li jużaw it-trasport ta’ l-iskejjel m’għandhomx għażla ħlief li jaslu l-iskola fil-ħin tas-soltu. Biex jgħinu f’din is-sitwazzjoni intalbet il-ko-operazzjoni tal-Pulizija biex jevitaw il-periklu mit-traffiku fejn l-iskejjel.
Hu f’dan il-kuntest li l-Ministru appella għas-sens ta’ dmir tal-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet biex jiftħu l-iskejjel u jdaħħlu l-istudenti għax hu aħjar li l-istudenti jkunu fl-iskola milli barra fit-triq. Il-Ministru qed iħalli lil kulħadd jaġixxi fil-libertà skond kif iħoss fil-kuxjenza. Ma jifhimx kif dan jista` b’xi mod jitqies “intimidatorju”.
Is-CMTU għexet l-istorja u taf li l-Ministru Louis Galea huwa wieħed minn ħafna li meta kien hemm il-bżonn iġġieled bis-sħiħ u bla biża` kontra min tassew hedded u kasbar id-drittijiet fondamentali tal-ħaddiema.
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni ha nota wkoll ta’ l-istqarrijiet ta’ appoġġ tal-GWU u l-UĦM għad-direttivi ta’ l-MUT.
Il-Ministru Louis Galea jassigura lis-CMTU, lill-UĦM kif ukoll lill-GWU li l-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni qed jerfgħu bis-sħiħ ir-responsabbilita` tagħhom. F’kull każ ta’ imġieba ħażina qed jittieħdu l-passi dixxiplinari minn min hu responsabbli fil-konfront ta’ l-istudent konċernat. Barra minn hekk, ġew preżentati sensiela ta’ proposti konkreti maħsuba biex it-tagħlim fl-iskejjel jitjieb fil-kwalita` u jsir f’ambjent sabiħ u ta’ dixxiplina.
Il-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ma jkollhom l-ebda diffikulta` li jiltaqgħu mas-CMTU, l-UĦM u mal-GWU, kif qed jagħmlu ma’ l-MUT, biex ifissrulhom il-proposti li qed iressqu għat-tiġdid u t-tisħiħ tas-sistema edukattiv, inkluż il-miżuri li qed jittieħdu u qed jiġu proposti għal għodda aħjar fil-qasam ta’ l-imġieba u d-dixxiplina fl-iskejjel.
Stqarrijiet Oħra:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955