Id-Direttur Eżekuttiv tal-United Nations Environment Programme jingħata r-rikonoxximent Honoris Causa mill-Universita’ ta’ Malta
Dr Klaus Toepfer, Direttur Eżekuttiv tal-United Nations Environment Programme (UNEP) u d-Deputat Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ingħata rikonoxximent Honoris Causa mill-Università ta’ Malta għall-ħidma twila tiegħu fis-settur ta’ l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.
Dan ir-rikonoxximent ingħata waqt ċerimonja li saret fl-Universita’ ta’ Malta u li għaliha attendew fost l-oħrajn il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea u l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino.
F’diskors qasir ta’ l-okkażjoni, Toepfer wera l-apprezzament tiegħu għal dan ir-rikonoxximent u appella lil kull min jokkupa pożizzjoni influenti biex ikun forza ta’ bidla. Toepfer qal li ħadd m’għandu jibża jieħu deċiżjonijiet li jwasslu għal bidla għall-dinja u għall-ambjent aħjar.
Klaus Toepfer indirizza wkoll lecture pubbliku bit-tema ’Environment for Development’. Hu saħaq fuq l-importanza li l-ambjent jiġi integrat fil-policies ta’ l-ekonomija. Hu tenna li meta l-ambjent ikun trattat b’mod iżolat wieħed ma jikseb xejn, mill-banda l-oħra għall-bidla fl-ambjent jeħtieġ li jkun hemm rabta bejn l-isfidi ta’ l-ambjent u r-realtajiet ta’ l-ekonomija.
Dwar it-teknoloġija, Toepfer qal li l-ikbar sfida mhijiex li l-pajjiżi jinvestu fl-aħjar sistemi imma li wieħed jaħdem fuq il-mod kif jaħseb u jaġixxi l-poplu biex dan ikun influenzat li jagħmel l-aħjar għażliet biex jgħix aħjar u fl-istess ħin jirrispetta l-ambjent ta’ madwaru.
Matul iż-żjara tiegħu f’Malta, Dr Toepfer iltaqa’ wkoll ma’ uffiċjali ta’ l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar u saritlu preżentazzjoni dwar ir-Rapport dwar l-Istat ta’ l-Ambjent Malti li kien pubblikat dan l-aħħar.
Matul iż-żjara tiegħu huwa ltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ l-NGOs ambjentali lokali. Huwa qal li s-sehem ta’ dawn l-organizzazzjonijiet huwa ferm importanti biex jagħtu kontribut u joħolqu dibattitu oġġettiv għal politika ambjentali dejjem aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955