Left arrow Mur Lura

Xoghol ta'restawr fil-Knisja ta’ San Girgor, Żejtun

pr0437
Date Icon 22/03/2006

Il-Gvern hu mpenjat li jikkonserva u jirrestawra  l-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna biex eventwalment ikun jista` jitgawda u jiġi ammirat l-istil arkittetoniku ta’ dan il-bini. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit, meta żar xogħlijiet ta’ restawr li għaddej bħalissa fuq il-Knisja ta’ San Girgor fiż-Żejtun.  

Dan ix-xogħol ikompli jgħaqqad il-kullana ta’ numru sostanzjali ta’ xogħlijiet ta’ restawr li saru fuq diversi kappelli, knejjes, monumenti u fortifikazzjonijiet f’dawn l-aħħar sentejn, bħalma sar fuq il-knisja taċ-Ċwerra fis-Siggiewi, San Ġakbu f’Ħal-Luqa, San Ġakbu fiż-Żurrieq, Marija Madalena f’Ħad-Dingli, Santu r-Rokku fl-Imdina u oħrajn. F’din il-knisja qed isir ukoll xogħol delikat u speċjalizzat sabiex primarjament tiġi kkonsolidata u restawrata knisja oħra medjevali. 

Ir-restawr minn barra tal-knisja ddedikata lil Santa Katerina, magħrufa aħjar bħala ta’ San Girgor fiż-Żejtun, li qed isir minn ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, daħal fit-tielet xahar tiegħu.  Il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-Parroċċa taż-Żejtun, wara talba tal-Kappillan, il-Wisq Rev. Dun Eric Overend. 

Il-kundizzjoni ġenerali tal-knisja, li tinkludi ħdax-il faċċata, għandu jingħad li kienet relattivament tajba. Madankollu, difetti lokalizzati ġew identifikati fuq il-faċċati, u kien propizju li dawn jiġu rranġati biex jiġi evitat li tikber il-ħsara.  

Ix-xogħol ta’ restawr jinkludi xi tibdil ta’ ġebel immermer, tindif tal-faċċati, tneħħija ta’ kisi bis-siment mill-partijiet il-baxxi tal-faċċati, u tikħil tal-fili biex jiġi evitat dħul ta’ ilma li tant jikkawża ħsara lill-ġebla. Fattur interessanti huwa l-ammont sostanzjali ta’ graffiti li nstabu fuq il-faċċati, partikolarment ta’ xwieni, li kollha ġew dokumentati, u waqt ir-restawr qed jiġu kkonservati b’attenzjoni. Hu maħsub li peress li x-xogħol huwa estensiv u minħabba l-kobor tal-knisja, l-proġett jieħu sena biex jiġi konkluż. 

Mhux magħruf b’ċertezza l-oriġini tal-knisja, li tissemma għall-ewwel darba fl-1436. Li hu ċert hu, li l-knisja trasformat ruħha tul iż-żminijiet sakemm mill-forma sempliċi rettangolari tagħha ħadet id-dehra preżenti. Minbarra l-importanza reliġjuza, hemm ukoll fattur ieħor li peress li l-pożizzjoni strateġika tal-knisja tisab fuq il-bajjiet ta’ San Tumas u Marsaxlokk, fiż-żmien kienet tintuża wkoll għal skopijiet ta’difiża.  

Is-Sezzjoni tar-Restawr, kompla jispjega l-Ministru Zammit, għaddejja wkoll b’diversi xogħlijiet oħra, bħal knisja ta’ Sarria fil-Furjana, kappella tal-Madonna fl-Imtarfa, kappella ta’ Ċeppuna fil-Marsa, kappella ta’ San Bert fiż-Żurrieq, kif ukoll fuq bastjuni  bħal dak ta’ taħt il-Barrakka t’isfel u l-entratura ta’ Victoria Gate Valletta. Barra minn dawn ix-xogħlijiet għaddej ukoll xogħol ta’ tindif u konsolidament ta’ strutturi perikolużi fl-area msemmija bħala l-Ospizio fil-Furjana.  

Fl-aħħarnett il-Ministru Zammit, tenna li l-Ministeru huwa mpenjat bis-sħiħ sabiex il-Wirt Kulturali jingħata l-attenzjoni meħtieġa u hawnhekk rrefera għall-proġett ambizzjuż li tressaq biex jiġi kkunsidrat mill-Gvern għall-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, liema proġett jikkonsisti fil-manutenzjoni u restawr ta’ medda ta’ 25km ta’ swar madwar l-Imdina, il-Kottonera, l-Furjana u l-Belt Valletta.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Europe’s security is directly linked to that of the Mediterranean – Minister Glenn Bedingfield

PR261955en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sigurtà tal-Ewropa hija marbuta direttament ma’ dik tal-Mediterran – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR261955

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sigurtà tal-Ewropa hi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow