STQARRIJA KONĠUNTA BEJN IL-MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITA’ U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT
Ebda sospensjoni ta’ l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem u summien
Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’ u l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jirreferu għall-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem u s-summien li jkun miftuħ fil-perjodu bejn il-25 ta’ Marzu u t-22 ta’ Mejju 2006.
Iż-żewġ Ministeri jiddikjaraw li wara li kienu analizzati l-fatturi kollha, kien maqbul li ma hemmx ħtieġa ta’ sospensjoni ta’ l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem u s-summien. Dan qed isir fid-dawl tal-fatt li l-Unjoni Ewropea għadha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jieħdu ebda miżura unilaterali fil-prekawzjonijiet li kull pajjiż qed jaddotta kontra t-tixrid tal-virus ta’ l-influwenza tat-tjur.
Din il-pożizzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kienet riaffermata f’dawn il-jiem mill-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Markos Kyprianou li f’diskors li għamel waqt laqgħa li saret fi Strasbourg fil-15 ta’ Marzu 2006, hu qal li: ”The European Commission has no intention whatsoever to recommend increased culling of wild birds in order to combat the current Avian flu crisis but has no intention either to advocate a general ban on bird hunting”.
Malta sal-lum addottat id-direttivi kollha maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Kumitat Xjentifiku tagħha u l-Gvern Malti se jibqa’ jsegwi mill-qrib dak li jkun diskuss u deċiż f’dan il-kumitat. Sa’ llum ma ħarġet ebda direttiva minn dan il-Kumitat Xjentifiku biex b’xi mod titwaqqaf il-kaċċa u ma jidhirx li hemm evidenza xjentifika li l-kaċċa fuq gamiem u summien tesponi aktar lil pajjiżna għall-virus ta’ l-influwenza tat-tjur.
Ta’ min ifakkar li l-kaċċa hi permessa fuq gamiem u summien biss. Dawn iż-żewġ speċi ta’ għasafar mhumiex tajr ta’ l-ilma (waterfowl), li sa’ llum huma kkunsidrati bħala l-aktar speċi ta’ riskju għax iġġorru l-virus ta’ l-influwenza tat-tjur. Il-kaċċaturi huma mistennija li jirrispettaw ir-regolamenti u jipprattikaw id-delizzju tagħhom fir-rispett sħiħ lejn ir-regolamenti.
L-awtoritajiet Maltin ser jibqgħu għaddejjin bi programm regolari u intensiv ta’ monitoraġġ u sorveljanza kif jiġri sal-lum, sabiex is-sitwazzjoni tibqa’ taħt osservazzjoni. L-awtoritajiet ser jibqgħu ukoll f’kuntatt mill-qrib ma’ l-għaqdiet li jirrappreżentaw il-kaċċaturi Maltin u Għawdxin u dan biex ikun assigurat l-ogħla livell ta’ ko-ordinazzjoni u rispett lejn ir-regolamenti.
L-awtoritajiet Maltin ifakkru li sal-lum Malta hija pajjiż ħieles mill-virus ta’ l-influwenza tat-tjur u qed jittieħdu l-miżuri kollha preventivi skond iċ-ċirkostanzi.
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955