JAQBAD RITMU TAJJEB IX-XOGĦOL FUQ IL-BINI MILL-ĠDID TAT-TRIQ TA’ SAN LAWRENZ
Ix-xogħol fuq il-bini mill-ġdid tat-triq li tgħaqqad il-Belt Victoria ma’ San Lawrenz issa qabad ritmu tajjeb tant li l-forma l-ġdida tat-triq diġà bdiet tieħu s-sura finali tagħha.
Il-Ministru għal Għawdex, Giovanna Debono u l-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol f’din it-triq, iddeskrivew dan il-proġett bħala l-ewwel minn tliet proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea li ser iħallu impatt kbir fuq l-esperjenza tas-sewqan fil-ġżira t’Għawdex.
F’Għawdex fil-fatt, aktar tard din is-sena, ser jibda’ x-xogħol fuq żewġ toroq ewlenin oħra ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Dawn huma t-triq li tgħaqqad il-port ta’ l-Imġarr ma’ Għajnsielem u t-triq li tieħu mill-Belt Victoria sax-Xlendi.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li wara li f’Novembru kien beda x-xogħol fuq it-triq ta’ Ħal Far, issa Għawdex ukoll ser jibda jgawdi mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Hu qal li b’dawn it-tliet proġetti ser jinbnew mill-ġdid 15% tat-toroq arterjali u distributorji kollha f’din il-gżira.
Hu żied jgħid li x-xogħlijiet fuq it-triq tal-Imġarr, li ser ikunu finanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni, ser jibdew fi ftit ġimgħat oħra, hekk kif jintemm il-proċess ta’ aġġudikazzjoni, filwaqt li x-xogħol fuq it-triq tax-Xlendi jkun jista’ jibda fis-Sajf.
It-triq ta’ San Lawrenz hija triq ewlenija li tgħaqqad il-Belt Victoria mar-raħal ta’ San Lawrenz. L-importanza tagħha toħroġ mill-fatt li din hija r-rotta li l-vetturi kollha lejn is-Santwarju ta’ Pinu u d-Dwejra jużaw. Hija wkoll it-triq arterjali li tgħaqqad il-Belt ma’ l-irħula kollha li hemm fil-punent t’Għawdex. It-tul tagħha huwa ta’ madwar 3.7 kilometri.
Ix-xogħol fuq it-triq bejn il-belt Victoria u San Lawrenz li beda madwar xahar ilu jinvolvi l-bini mill-ġdid ta’ Triq l-Għarb u Triq Ġwanni Pawlu II, skond l-ogħla standards fil-kostruzzjoni tat-toroq, twessiegħ u titjib fl-‘alignment’ tagħha, titjib f’numru ta’ ‘junctions’ li hemm matulha kif ukoll iċ-ċaqlieq tal-infrastruttura tas-servizzi li hemm għaddejjin minnha għal taħt il-bankina li ser tinbena fil-ġenb. Għal dan il-proġett hemm ivvutati ma’ l-€4.3 miljun mill-Programm ta’ Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2004-2006.
Intant f’Novembru kien beda x-xogħol fuq il-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Far li tieħu mil-Laboratorju tal-Paċi sal-Malta Freeport. Aktar tard din is-sena ser jibda x-xogħol fuq it-titjib tal-vijadotti ta’ Manwel Dimech fuq Triq Reġjonali f’San Ġiljan. L-Unjoni Ewropea tiffinanzja sa’ massimu ta’ 75% tal-valur ta’ dawn il-proġetti.
B’kollox Malta u Għawdex ser igawdu minn €25 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea li ser imorru għal titjib fit-toroq. Dawn il-fondi ġejjin mill-perjodu finanzjarju tal-Unjoni Ewropea li jiġi fi tmiemu fil-31 ta’ Diċembru 2006.
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955