Left arrow Mur Lura

INAWGURAT BUST LI JFAKKAR IT-TENUR MALTI ORESTE KIRKOP

pr0419
Date Icon 19/03/2006

Fil-bitħa tat-Teatru Manoel il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura bust tal-bronz tat-tenur Malti Oreste Kirkop li miet fl-10 ta’ Mejju 1998 fl-eta’ ta’ 74 sena wara karriera brillanti li temm fl-1960 meta ddeċieda li jirtira. 

Oreste Kirkop kien iben denju ta’ pajjiżu u kull fejn kanta isem Malta kien applawdit miegħu. Hu ddebutta fir-rwol ta’ Turiddu fil-Cavalliera Rusticana fl-24 ta’ Frar 1945. Kompla jagħti preżentazzjonijiet bħala tenur ewlieni fit-Teatru Manoel. Bejn Novembru 1949 u Mejju 1950 deher fit-Teatru La Scala ta’ Milan ma’ żewġ kantanti famużi ta’ dan it-teatru ta’ l-Opra, Tito Gobbi u Maria Caniglia. 

F’Settembru 1950 iddebutta fil-Grand Theatre ta’ Leeds fir-Renju Unit. F’dan il-pajjiż kellu suċċessi kbar tant li kanta anke fir-Royal Opera House Covent Garden. Mir-Renju Unit Oreste Kirkop mar Hollywood fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika fejn anke ħadem għall-Paramout Pictures. Fl-1960 Oreste Kirkop iddeċieda li jirtira f’Malta. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li Oreste Kirkop jinżel fl-istorja bħala wieħed mill-aqwa tenuri li rat id-dinja. Tenur li mhux biss għamel isem għal pajjiżu iżda li ismu sar sinonimu ma’ Malta u jista’ jitqies għalhekk bħala ambaxxatur denju ta’ pajjiżna. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li kull meta u kull fejn Oreste Kirkop kanta qajjem entużjażmu mhux biss għaliex kellu vuċi eċċezzjonali iżda għaliex kien joħroġ l-aqwa u l-aħjar. Hu qal li kellu wkoll personalita’ li kienet tagħtih vantaġġ fuq kantanti oħra ta’ żmienu. “Mhux ta’ b’xejn li fil-quċċata  tal-karriera tiegħu Oreste Kirkop kien mxebbaħ mat-tenur Taljan Caruso!” tenna l-Ministru Zammit Dimech. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din tal-lum kienet inawgurazzjoni b’sinifikat doppju. Hu qal li konna qed infakkru tenur li waħda mill-aktar dati importanti fil-karriera tiegħu kienet  f’dan it-teatru ewlieni ta’ pajjiżna. Konna qegħdin ukoll nagħtu ġieħ lill-persunaġġ fil-qasam mużikali li għamel ġieħ lil pajjiżna u li kull fejn mar wera li kien kburi li hu Malti. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-istorja ta’ pajjiżna ddur ma’ persunaġġi importanti bħal Oreste Kirkop. Personalitajiet li ddedikaw ħajjithom għall-arti u l-mużika. Maltin li permezz tal-kultura ddistingwew lilhom infushom minn personalitajiet ta’ pajjiżi oħra. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura feraħ lill-management tat-Teatru Manoel għal dan il-ġest sabiħ tagħhom. Wara kixef plakka kommemorattiva taħt l-alto rilievo ta’ Oreste Kirkop.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Europe’s security is directly linked to that of the Mediterranean – Minister Glenn Bedingfield

PR261955en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sigurtà tal-Ewropa hija marbuta direttament ma’ dik tal-Mediterran – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR261955

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sigurtà tal-Ewropa hi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow