L-AMBAXXATUR SALV STELLINI, CHAIRMAN TAĊ-CHOGM TASK FORCE, JIPPREŻENTA R-RAPPORT TAL-KONTIJIET AWDITJATI TAĊ-CHOGM LILL-PRIM MINISTRU L-ONOR. LAWRENCE GONZI
L-Ambaxxatur Salv Stellini, Chairman taċ-CHOGM Task Force, illum ippreżenta lill-Prim Ministru r-rapport tal-kontijiet awditjati taċ-CHOGM. Is-Sur Stellini qal li minkejja li r-rapport kellu jiġi ppreżentat sa l-aħħar ta’ Frar 2006, l-ammont kbir ta’ kontijiet li kellhom jiġu pproċessati bir-reqqa, u mhux anqas il-fatt li numru ta’ kontijiet ma kienux għadhom waslu għand iċ-CHOGM Task Force kienu r-raġuni għal dan id-dewmien.
Mir-rapport ippreparat mill-kumpanija tal-awdituri Grant Thornton, joħroġ li n-nefqa gross sabiex ġiet organizzata ċ-CHOGM laħqet Lm2,559,275. Din is- somma iżda tinkludi wkoll is-somma ta’ Lm365,951 li daħlet direttament minn-sponsorships privati. In-nefqa netta tal-Gvern kienet għalhekk ta’ Lm2,193,324, li tfisser Lm206,676 anqas minn-nefqa proġettata.
Irid jingħad li minn din in-nefqa, tħallsu madwar Lm280,000 f’pagamenti lid-Dipartiment tal-VAT. Dan ifisser li n-nefqa reali tal-Gvern niżlet għal Lm1,913.324. Din wkoll tinkludi spejjeż ta’ Lm235,000 li ntefqu fuq apparat li nxtara u ntuża fiċ-CHOGM, u li ġie mgħoddi lill-entitajiet tal-Gvern b’mod speċjali l-Armata u l-Pulizija. Tinkludi wkoll spejjeż fuq servizzi li tħallsu direttament lill-Gvern u entitajiet oħra Governattivi.
Dan ir-rapport ma jikkwantifikax il-benefiċċji ekonomici kbar li ċ-CHOGM u l-4,000 ruh li żaru Malta f’rabta ma’ dan l-avveniment ħallew f’pajjiżna.
Is-Sur Stellini qal li huwa għalhekk b’sens kbir ta’ sodisfazzjon li qiegħed jippreżenta dan ir-rapport li huwa xhieda tas-serjeta’ li mexa biha l-Gvern waqt l-organizzazzjoni ta’ avveniment hekk importanti għal Malta.
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955