Żjara f’Malta mid-Direttur Eżekuttiv tal-United Nations Environment Programme (UNEP)
Id-Direttur Eżekuttiv tal-United Nations Environment Programme (UNEP) Dr Klaus Toepfer se jagħmel żjara f’Malta bejn il-21 u t-22 ta’ Marzu 2006 fuq stedina tal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino. Dr Toepfer huwa wkoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Dr. Toepfer, li mistenni jtemm il-karriera diplomatika tiegħu fi żmien qasir, se jingħata rikonoxximent Honoris Causa mill-Universita’ ta’ Malta għall-ħidma twila tiegħu fis-settur ta’ l-ambjent. Fost impenji oħrajn li se jkollu f’Malta, Dr Toepfer se jindirizza wkoll lecture pubbliku bit-tema ’Environment for Development’. Dan il-lecture, li għalih hu mistieden kulħadd u li d-dħul għalih huwa b’xejn, se jsir it-Tlieta 21 ta’ Marzu 2006 fis-6.15pm fis-Sala Ellul Mercer, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, l-Belt Valletta.
Matul iż-żjara tiegħu f’Malta Dr Toepfer se jiltaqa’ ma’ uffiċjali ta’ l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar u se ssirlu preżentazzjoni dwar ir-Rapport dwar l-Istat ta’ l-Ambjent Malti li kien pubblikat dan l-aħħar. Id-Direttur Eżekuttiv tal-UNEP se jkollu wkoll laqgħa nformali ma’ NGO’s li jaħdmu fis-settur ambjentali.
Toepfer kien Ministru Federali ta’ l-Ambjent fil-Ġermanja bejn l-1987 u l-1994. Hu introduċa regolamenti u liġijiet importanti bħal dawk tal-life-cycle economy (iċ-ċiklu tal-prodott minn meta jinħoloq għal kif jiġi riċiklat). Toepfer kellu sehem determinanti fis-suċċess tas-Summit dwar id-Dinja li kien sar f’Rio de Janeiro fl-1992 u kellu wkoll sehem determinanti fin-negozjati għall-United Nations Framework Convention on Climate Change u biex twaqqfet il-Global Environment Facility (GEF).
Dr Klaus Toepfer huwa magħruf għall-ħidma tiegħu fil-promozzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, u għall-ġlieda tiegħu favur il-kawża tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.
Stqarrijiet Oħra:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955