Left arrow Go Back

MILJUN EURO FI PROĠETT TA' TWINNING BEJN MALTA U R-RENJU UNIT GĦAS-SERVIZZ VETERINARJU

pr0393
Date Icon 15/03/2006

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja u s-Sajd, Dr Francis Agius, dalgħodu ħabbar proġett biex isaħħaħ it-Taqsima ta’ l-Ikel u l-Attività Veterinarja.  Il-proġett jiswa miljun euro u huwa kollu kemm hu ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Il-kuntratt tal-proġett ġie ffirmat fl-20 ta' Frar 2006 u diġà bdew il-ħidmiet. 

Esperti veterinarji mir-Renju Unit se jaħdmu mal-kollegi tagħhom Maltin biex imexxu korsijiet ta' taħriġ, jippreparaw/issaħħu proċeduri standard għall-operat għall-attivitajiet regolatorji u jiggwidaw l-industrija tal-bhejjem.  Uffiċjali Maltin ser jagħmlu ukoll żjajjar ta' studju fir-Renju Unit. 

Il-proġett ser jindirizza ħames attivitajiet importanti u speċifiċi ta' regolamentazzjoni: 

Trattament xieraq ta' l-annimali

Biex jiġi żgurat li l-livelli meħtieġa ta' trattament xieraq ta' l-annimali jinżammu mill-bdiewa u mir-raħħala li jrabbu baqar, nagħaġ, mogħoż, majjali u tiġieġ, kif ukoll dawk li jġorru annimali, operaturi ta' biċċeriji u sidien ta' annimali domestiċi (pets). 

Mediċini Veterinarji

Biex jippermettu lid-Diviżjoni ta’ l-Ikel u l-Attività Veterinarja ssaħħaħ il-kontrolli tagħha fuq l-importazzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu ta' mediċinali veterinarji. 

Produzzjoni tal-Ħalib

Biex jiġi żgurat li l-produtturi tal-ħalib ikomplu jsaħħu l-livelli ta' iġjene u nutrizzjoni. 

Għalf ta' l-Annimali

Biex id-Diviżjoni ta’ l-Ikel u l-Attività Veterinarja tkun tista' tiżgura li l-manifatturi u d-distributuri kollha ta' l-għalf ta' l-annimali jżommu l-livelli ta' iġjene, sigurtà u kwalità skond kif stipulat mil-leġiżlazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea. 

Biċċeriji tat-Tjur

Biex jiġi żgurat li l-biċċeriji kollha li diġà huma approvati f' Malta u f’Ghawdex iżommu l-livelli meħtieġa għas-sigurtà ta' l-ikel, il-kontroll tat-tixrid tal-mard ta' l-annimali u t-trattament xieraq ta ' l-annimali. 

Wieħed għandu jfakkar li d-Diviżjoni ta’ l-Ikel u l-Attività Veterinarja m'għandhiex biss ir-responsabbilità li tinforza l-konformità mar-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea, iżda anki biex tiżgura li s-setturi kollha ta' l-industrija jifhmu x'jeħtieġu minnhom ir-regolamenti u biex tipprovdilhom għajnuna teknika għal dawn l-għanijiet.  Meta jkun qed isir dan inkunu ukoll qed nieħdu ħsieb is-saħħa tal-konsumatur.  “Dan il-proġett għaldaqstant ser iħarreġ mhux biss lill-impjegati tad-Divizjoni ta’ l-Ikel u l-Attività Veterinarja, iżda anke raħħala, għaqdiet mhux governattivi, proċessuri ta' prodotti ta' l-annimali u dawk li jfornu għalf u mediċini ta' l-annimali”, temm jgħid Dr Agius. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Europe’s security is directly linked to that of the Mediterranean – Minister Glenn Bedingfield

PR261955en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sigurtà tal-Ewropa hija marbuta direttament ma’ dik tal-Mediterran – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR261955

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sigurtà tal-Ewropa hi...

More Press Releases Right arrow