OPEN DAY B’DIFFERENZA
Is-Surmast, flimkien mal-Kunsill Skolastiku ta’ l-iskola Sekondarja Subien Ġuże’ Galea ta’ Ħal-Qormi illum fetaħ il-bibien ta’ l-iskola beraħ għall-ġenituri ta’ l-istudenti ta’ l-istess skola biex jaraw x’isir f’din l-iskola matul il-ħin ta’ l-iskola.
Bil-parteċipazzjoni volontarja u entużjasta ta’ l-għalliema ta’ din l-iskola, qed tingħata xejra ġdida lil dik li tissejjaħ l-OPEN DAY. Din is-sena, grazzi għall-ħidma tal-Kunsill Skolastiku, l-Open Day ġiet mifruxa fuq erbat ijiem u f’kull waħda minn dawn il-ġranet, il-ġenituri minbarra li ġew mistiedna biex jiġu l-iskola u jiddiskutu mal-Form Teachers il-progress edukattiv t’uliedhom u forsi wkoll iżuru l-laboratorji u l-workshops ta’ l-iskola, se jkollhom ukoll l-opportunità li jaraw lezzjoni LIVE issir quddiemhom. Jiġifieri f’kull jum, għal kull Form differenti, qed issir lezzjoni formali mill-għalliema bl-ispjega, bit-tagħmir edukattiv li jintuża fil-klassi, bil-homework b’kollox u dan fil-presenza tal-ġenituri ta’ dawn l-istudenti.
Waqt li kien qed iżur l-iskola Guże’ Galea ta’ Ħal-Qormi, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea attenda għal laqgħa formali tal-Kunsill ta’ l-iStudenti ta’ l-istess skola u dan fil-presenza tal-ġenituri tagħhom u mistiedna oħra speċjali mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Wieħed mill-punti ewlenin li l-istudenti iddiskutew kien proprju d-dixxiplina fl-iskola fejn l-istudenti iddiskutew x’għandu jkun hemm fil-kodiċi ta’ dixxiplina għall-iskola tagħhom. Meta ntemmet il-laqgħa, is-Sur Paul Attard mexxa diskussjoni fejn il-ġenituri kienu mistiedna jgħaddu kummenti u jistaqsu l-mistoqsijiet lill-istudenti membri tal-Kunsill ta’ l-iStudenti u lill-awtoritajiet ta’ l-iskola. B’hekk l-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri iddiskutew flimkien u fl-istess ħin f’attivita’ li kienet ta’ ġid immens għal kulħadd.
Il-Ministru Galea qal li attivitajiet bħal dawn jgħinu biex id-dar u l-iskola joqorbu dejjem aktar lejn xulxin u kulħadd jifhem aktar lil xulxin. Hu tenna li fejn ikun hemm ko-operazzjoni sħiħa bejn is-Surmast, u l-għalliema ta’ l-iskola mal-ġenituri ta’ l-istudenti, l-iskola timxi ‘l quddiem u jkun hemm ambjent fejn l-edukazzjoni tkun aktar produttiva. Hu temm jgħid li mill-attendenza u l-entużjażmu li qed juru l-ġenituri, jidher li dawn apprezzaw ħafna l-ħsieb tal-Kunsill Skolastiku u dan jawgura għal parteċipazzjoni aqwa bejn l-imsieħba kollha li għandhom l-interess dirett fl-edukazzjoni ta’ l-istudenti ta’ l-iSkola Sekondarja Ġuże’ Galea ta’ Ħal-Qormi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955