Left arrow Go Back

TWEĠIBA GĦALL-ISTQARRIJA TA’ L-ONOR LEO BRINCAT

pr0358
Date Icon 08/03/2006

L-Onorevoli Leo Brincat ma qalx il-verita meta fl-istqarrija tiegħu dwar allegati titjiriet tas-CIA qal li “il-Gvern Malti qarraq bil-poplu Malti u bil-Kunsill ta’ l-Ewropa”. 

Il-Gvern Malti jiċħad kategorikament li qarraq bil-poplu Malti jew bil-Kunsill ta’ l-Ewropa. Il-Gvern Malti kien preċiż u konsistenti f’dak kollu li għamel u f’dak kollu li qal dwar din il-materja.

Il-Gvern Malti ilu li beda investigazzjonijiet bil-mezzi kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu u dawn l-investigazzjonijiet għadhom mhux magħluqa. 

L-Onor Brincat ma qalx il-verita meta qal li “il-Gvern Malti ftaħar li għarraf lill-Kunsill ta’ l-Ewropa li ma kien hemm ebda titjiriet tas-CIA li waqfu f’pajjiżna…” 

Il-Gvern Malti għamel id-dover tiegħu billi ngħaqad ma’ l-investigazzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u abbażi ta’ dan l-istħarriġ, iddikjara mal-Kunsill ta’ l-Ewropa li “mill-investigazzjonijiet li saru mill-Gvern Malti u sa’ fejn huwa magħruf, l-ebda uffiċjal pubbliku jew persuni oħra fi rwol uffiċjali, ma kienu involuti f’dan it-tip ta’ aġir, kemm jekk b’azzjoni jew b’omissjoni”. 

Din id-dikjarazzjoni għadha valida sal-lum. Dawn huma fatti u mhux ftaħir.

Il-Gvern Malti ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar ir-rapport li bagħat lill-Kunsill ta’ l-Ewropa peress li dan ir-rapport sar fil-kors ta’ l-investigazzjoni li għadha għaddeja mill-Gvern Malti. 

Il-Gvern Malti ħa nota ta’ l-assigurazzjoni li tat is-Segretarju ta’ l-Istat Amerikan Condoleeza Rice, li l-Gvern Amerikan m’għamilx użu minn ajruporti Ewropej għal skop ta’ ċaqlieq ta’ persuni lejn l-ebda pajjiz sabiex dawn ikunu torturati. Din id-dikjarazzjoni saret lill-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Unjoni Ewropea waqt laqgħa fi Brussell nhar is-7 ta’ Diċembru li għadda. L-istess dikjarazzjoni ġiet ripetuta f’laqgħa li l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Michael Frendo kellu ma’ l-Ambaxxatriċi Amerikana f’Malta, l-Eċċellenza Tagħha Molly Bordinaro f’Jannar ta’ din is-sena fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin. 

Issa, id-dikjarazzjoni tal-Ministru tad-Difiża tar-Renju Unit hija l-ewwel darba li saret dikjarazzjoni minn sors uffiċjali tal-Gvern tar-Renju Unit li, fil-kuntest ta’ mistoqsija dwar titjiriet tas-CIA, fiha ssemmiet titjira, li skond din id-dikjarazzjoni, telqet lejn Malta sentejn ilu.  

Immedjatament wara din l-istqarrija tal-Ministru tar-Renju Unit, fuq talba tal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Michael Frendo li bħalissa jinsab imsiefer fuq xogħol uffiċjali tal-Gvern, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, il-bieraħ sejjħet laqgħa b’urġenza ma’ c-Charges d’Affaires tal-Kummissjoni Għolja tar-Renju Unit f’Malta fejn, il-Gvern tar-Renju Unit intalab jgħaddi l-informazzjoni kollha li għandu dwar din titjira li ssemmiet mill-Ministru tad-Difiża tar-Renju Unit. 

L-istess talba saret illum lill-Ambaxxatriċi ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerka f’Malta l-E.T.  Molly Bordinaro waqt laqgħa separata li s-Segretarju Permanenti kellha ma’ l-istess Ambaxxatriċi fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin.                                                                                                    

Din hija materja li l-Gvern Malti se jibqa’ isegwi.

F’materji bħal dawn, l-Onor Brincat għandu juri serjeta’ u mhux jagħmel politika rħisa u partiġġjana. 

Huwa assolutament redikolu u bla sens li l-Onor Brincat jgħid li “s-sitwazzjoni ħarbet minn idejn il-kontroll tal-Gvern Malti”.  

L-unika ħaġa li ħarbet hija l-eżattezza u l-preċizjoni minn kliem l-Onorevoli Brincat. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Europe’s security is directly linked to that of the Mediterranean – Minister Glenn Bedingfield

PR261955en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sigurtà tal-Ewropa hija marbuta direttament ma’ dik tal-Mediterran – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR261955

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sigurtà tal-Ewropa hi...

More Press Releases Right arrow