Diskors tal-Prim Imħallef fl-okkażjoni ta’ l-għoti tal-Ġurament ta’ Lealta` u Ġurament tal-Kariga lil Avukati u Prokuraturi Legali ġodda – Qorti ta’ l-Appell – 8 ta’ Marzu, 2006
Sur President tal-Kamra ta’ l-Avukati,
Sur President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali; Onorevoli Ministru
u Sur Avukat Ġenerali; Prim Imħallef Emeritus; Kollegi;
Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali:
Illum intom, Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali, ħadtu ż-żewġ ġuramenti li in segwitu għalihom, tistgħu issa tibdew teżerċitaw il-professjoni rispettiva tagħkom. Din il-ġurnata, importanti kemm hi importanti, u solenni kemm nippruvaw nagħmluha solenni, ma tridux pero` tqisuha bħala xi stadju finali tal-professjoni tagħkom – għalkemm żgur li għal ħafna minnkom hija, biex ngħid hekk, l-inkurunament ta’ l-istudji kollha tagħkom sa issa – iżda, għall-kuntrarju, għandkom tqisuha bħala l-bidu ta’ kapitolu ġdid fil-ħajja tagħkom.
Illum intom ħadtu żewġ ġuramenti, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin, sabiex tkunu kollaboraturi intimi mal-membri tal-Ġudikatura u ma’ nies oħra b’setgħa ġudizzjarja – Ġudikaturi, Kummissarji għall-Ġustizzja u arbitri, fost oħrajn – fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, ġustizzja li, kif igħid Santu Wistin, mingħajrha anqas huwa konċepibbli l-kunċett ta’ l-istat: remota iustitia, quid sunt regna nisi magna latrocinia? Bil-ġurament ta’ lealta` intrabattu b’mod ġenerali li ma tagħmlu xejn li jkun ta’ ħsara għall-poplu u għar-Repubblika ta’ Malta u għall-Kostituzzjoni tagħha; bil-ġurament tal-kariga qed timpenjaw ruħkom biex b’mod partikolari fil-qadi tad-dmirijiet tagħkom f’dawn il-Qrati intom taġixxu dejjem u f’kull każ bil-ħaqq, bis-sewwa u bir-reqqa kollha. Dawn huma tliet espressjonijiet li għandhom jakkumpanjawkom minn issa ‘l quddiem tul ħajjitkom kollha, u li bihom mil-lum ‘il quddiem kulħadd ser jibda jkejjilkom.
Ħadt pjacir nisma’ l-ġimgħa l-oħra lill-Ministru tal-Ġustizzja jindirizzakom meta qassmilkom il-“warrant” tal-President ta’ Malta, u ma nistax ma naqbilx miegħu meta qalilkom li l-isbaħ kwalifika li avukat jista’ maż-żmien jakkwista ma hix dik ta’ kemm rebaħ kawżi, jew ta’ kemm għamel flus, jew ta’ kemm irnexxa fil-politika jew fuq il-mezzi tax-xandir, iżda l-kwalifika li dak l-avukat huwa “avukat ta’ l-affari tiegħu”. U l-istess, s’intendi, japplika għalikom sinjuri Prokuraturi Legali. Bħala professjonisti, sia jekk tkunu qed taħdmu għal raskom u sia jekk tkunu mpjegati, intom tridu tiftakru li l-professjoni ta’ avukat u ta’ prokuratur legali titlob impenn, mhux biss impenn fir-rigward tal-materja li fil-konfront tagħha persuna titolbok parir jew titolbok li tassistiha fil-Qorti, iżda impenn ukoll – u forsi llum aktar minn qabel – sabiex wieħed iżomm ruħu aġġornat mal-liġijiet biex jassigura li dak li jgħid, dak li jikteb u dak li jagħmel ikun verament ta’ servizz u mhux, bil-kontra, forsi addirittura jippreġudika irrimedjabbilment lil dak li jkun.
Dawn il-professjonijiet jitolbu wkoll impenn kbir u kostanti lejn il-verita` -- avukat u prokuratur legali ma jista’ u ma għandu qatt jagħmel xejn li bih jista’ jiżvija lill-Qorti jew anke lil kollega tiegħu. Avukat jew prokuratur legali li jaqbad it-triq tan-nofs verita`, għall-konvenjenza jew bi traskuraġni, jispiċċa mill-ewwel ittimbrat bħala inaffidabbli – falsus in uno, falsus in omnibus. Jitolbu wkoll, dawn iż-żewġ professjonijiet, li dak li jkun jaġixxi, kif igħid il-ġurament tal-kariga “bir-reqqa kollha” – “with all…exactness”, fit-test Ingliż.
Sfortunatament fid-dinja mgħaġġla tal-lum hija kbira t-tentazzjoni li biex tipprova tlaħħaq ma’ kollox, taqta’ fil-qasir jew, bil-kontra, u bl-għajnuna llum tal-computers, taqbad u titfa’ kollox ħallata ballata quddiem il-Qorti fl-atti ġudizzjarji.
Sfortunatament aħna l-Imħallfin u l-Maġistrati qed naraw ta’ spiss atti ġudizzjarji magħmulin bl-addoċċ u bi traskuragni, jew atti li, taqrahom kemm taqrahom, ma tkun tista’ tifhem kważi xejn minħabba l-mod ingarbuljat, sfukat jew impreċiż ta’ kif ikun redatt dak l-att.
U hawnhekk din il-Qorti tixtieq tagħmel rakkomandazzjoni lilkom, sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali, li mil-lum ser tkunu tistgħu tibdew tpoġġu l-firma tagħkom fuq dawn l-atti: att ġudizzjarju għandu dejjem ikun preċiż fil-formalitajiet tiegħu; ċar u kemm jista’ jkun konċiż fil-kontenut tiegħu; u iffukat kemm jista’ jkun fil-ħsieb tiegħu fuq dak li huwa verament essenzjali għall-għan li għalih dak l-att ikun ġie ppreżentat.
Jiżbalja bl-ikrah min jaħseb li aktar ma tkun verbuż, aktar ma tikteb fit-tul u ddur mal-lewża, aktar ma titfa’ bl-addoċċ referenzi għal sentenzi, jew aktar ma tuża kliem tqil u taljanizzat, aktar ser tingħata raġun mill-Qorti. L-istess jista’ jingħad għas-sottomissjonijiet li jsiru bil-fomm: apparti li jkun dejjem tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu l-massima vir sapit qui pauca loquitur, ħafna avukati donnhom ma humiex kapaċi jpoġġu l-ħsibijiet tagħhom f’ordni u b’mod ċar meta jiġu biex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom lill-Qorti.
Anke għal dak li hija l-arti ta’ kif wieħed jikkonduċi l-eżami u l-kontro-eżami, kemm f’każ ċivili kif ukoll f’każ penali, jidher li qed immorru bil-mod il-mod il-baħar, kemm minħabba forsi nuqqas ta’ preparazzjoni ta’ l-avukat li jkun f’dak il-każ partikolari, kif ukoll minħabba nuqqas ta’ tiroċinju adegwat fl-arti ta’ l-avokatura, u forsi wkoll minħabba l-użu indiskriminat f’ċerti Qrati ta’ l-affidavit.
Qed jiġini f’moħħi d-diskors li kien għamel il-kollega tagħna l-Imħallef Joseph Galea Debono fis-seduta inawgurali tiegħu ftit ta’ snin ilu, fejn diġa` kien ġibed l-attenzjoni għal kemm din l-arti qiegħda ftit ftit tintilef. Forsi din hi okkażjoni tajba, Sur President tal-Kamra ta’ l-Avukati, biex nirrakkomanda li l-Kamra u l-Fakulta` tal-Liġi ta’ l-Alma Mater tagħna jpoġġu rashom flimkien u jaraw kif jistgħu jithejjew korsijiet f’dawk li komunement jissejħu “advocacy skills”. Naf li l-Kamra diġa` qed tagħti korsijiet fl-etika professjonali bi thejjija għall-eżami għall-għoti tal-“warrant”; pero` forsi jkun utili li wieħed jibda jaħseb ukoll fl-arti ta’ l-avukatura, ħaġa li wieħed, bir-raġun, jista’ ma jqishiex strettament bħala suġġett akkademiku, iżda pjuttost suġġett ta’ preparazzjoni professjonali. Nassigurak, Sur President, li anke l-Ġudikatura lesta li tgħin f’biċċa xogħol bħal din, anke peress li huwa fl-aħħar mill-aħħar fl-interess ta’ kull Imħallef u Maġistrat li kawża tiġi preżentata u prosegwita b’mod ċar u effiċjenti.
Fuq nota pożittiva, pero`, ma nistax ma ninnotax, anke peress li jien għadni membru tal-korp akkademiku ta’ l-Universita`, għalkemm illum f’kariga onorarja, li llum l-Avukati u anke l-Prokuraturi Legali li joħorġu mill-Universita` joħorġu b’bagalja ta’ suġġetti aktar, kemm fin-numru kif ukoll fil-varjeta`, milli konna noħorġu biha aħna meta ggradwajna f’nofs is-sebgħinijiet jew qabel.
Parallelament ma’ l-iżvilupp ekonomiku u politiku ta’ pajjiżna, l-Universita` bdiet toffri korsijiet li fi żmienna ma kinux jeżistu: dritt Ewropew, studji fid-diplomazija, servizzi finanzjarji, dritt marittimu, il-liġi nutarili – biex insemmi xi wħud. Dan ifisser li intom, sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali, għandkom l-opportunita`, aktar milli kellna aħna fi żmienna, biex tispeċjalizzaw.
L-Imħallef u l-Maġistrat xi ftit jew wisq irid ikun “general practitioner”, anke biex ikun hemm dejjem il-possibilita` ta’ ċaqliq minn qorti għal oħra. Aktar ma l-korp tal-leġislazzjoni ta’ pajjiżna jikber, aktar il-ġudikant jiddependi fuq l-Avukat biex, bħala uffiċjal tal-qorti, jiggwidah lejn il-liġi li jrid japplika għall-każ partikolari. Din l-ispeċjalizzazzjoni, jekk wieħed jikkoltivaha sew, tista’ wkoll tkun mezz ta’ kif jitħaffu l-proċeduri fil-Qorti. B’numru ta’ Ġudikanti li huwa fost l-aktar baxx fl-Unjoni Ewropea meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni – kif kelli l-okkażjoni nfisser fid-diskors tal-ftuħ tas-sena forensi f’Ottubru li għadda – kull miżura, żgħira kemm hi żgħira, li tista’ tikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-proċeduri ġudizzjarji fil-Qrati tagħna, hija ta’ min jikkoltivaha.
Ma nixtieqx inżommkom aktar, sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali. Filwaqt li nirringrazzja lill-President tal-Kamra ta’ l-Avukati u lill-President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali li għoġobhom jippreżentawkom illum quddiemna għall-ġuramenti, jiena u sħabi l-Imħallfin ta’ din il-Qorti nifirħulkom li issa tistgħu tibdew teżerċitaw il-professjoni rispettiva tagħkom, u nawgurawlkom suċċess fil-ħajja professjonali tagħkom.
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955