Left arrow Mur Lura

Ikompli t-taħwid ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin

pr0254
Date Icon 19/02/2006

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jinnota kif qed ikompli t-taħwid ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin.  Issa kien imiss lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor. Alfred Sant biex jgħid tiegħu u jkompli jikkonferma t-taħwid ta’ l-Oppożizzjoni dwar dan l-impjant.   Hija ħasra li fid-diskors kollu li qed jingħad qed jitħallew barra l-fatti kruċjali dwar dan il-proġett ta’ immodernizzar. 

Il-fatti huma li l-impjant se jkun modernizzat b’investiment ta’ aktar minn €16-il miljun b’finanzjament mill-Fondi ta’ Koeżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.  Minkejja dak li reġa rrepeta l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni mhux minnu li l-impjant se jitwaqqa’ kollu biex jerġa jinbena mill-ġdid.  Mill-istrutturi ta’ l-impjant eżistenti, se jitwaqqgħu biss 11%.   

Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ġie kkwotat li qal li l-Partit Laburista huwa favur numru ta’ impjanti żgħar ta’ trattament ta’ l-iskart.  Madanakollu għal darb’oħra, reġa ħarab milli jagħti proposta konkreta għall-’ħolma’ tiegħu u reġa’ ma semmiex il-postijiet fejn se jpoġġi dawn l-impjanti. 

Li ma qalx il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni hu, li Sant’Antnin se jieħu biss 71,000 tunnellata ta’ skart, li minnhom 35,000 tunnellata huma skart organiku u l-kumplament huwa l-iskart isseparat li jinġabar mill-bring-in sites.  Ta’ min ifakkar li dan hu l-volum minimu ta’ skart li jista’ jieħu impjant bħalma se jkun dak ta’ Sant’Antnin, u għaldaqstant huwa biss kliem fieragħ meta l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jgħid li jista’ jagħmel impjanti iżgħar minn dak ta’ Sant’Antnin. 

Ta’ min ifakkar li l-volum ta’ skart li se jieħu Sant’Antnin huwa kkonfermat kemm mir-Rapport dwar l-Impatt Ambjentali li sar għal dan il-proġett, kemm mill-applikazzjoni outline li kienet approvata mill-MEPA, kif ukoll għal diversi drabi f’diskorsi u artikli li jirreferu għall-impjant ta’ Sant’Antnin.   Il-Ministeru jtenni li saħansitra r-rapport dwar siti alternattivi fejn jista’ jsir l-impjant, kien inħareġ għall-konsultazzjoni pubblika u dakinhar ħadd ma kkummenta jew oppona dak ir-rapport, tant li dan kien approvat eventwalment mill-Bord tal-MEPA. 

B’dan kollu, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jagħżel it-triq ta’ miżinformazzjoni u jibqa’ jipprova jħawwad.  Ta’ min ifakkar li l-Onor. Alfred Sant mhux waħdu f’dan l-isforz ta’ informazzjoni żbaljata.  L-ewwel kellna lid-Deputat Laburista l-Onor. Joe Mizzi li f’artiklu pubblikat fis-7 ta’ Frar 2005,  qal li l-iskart kollu se jmur Sant’Antnin; u jumejn wara d-Deputat sieħbu l-Onor. Roderick Galdes ħareġ jiftaħar fi programm fuq it-televiżjoni li l-Gvern issa qed jaqbel ma’ l-Oppożizzjoni u huwa favur impjanti żgħar u mhux wieħed li jieħu l-iskart kollu fih! 

Il-fatti huma li l-Gvern ilu sa’ mill-bidu jgħid li Sant’Antnin se jieħu biss terz ta’ l-iskart kollu ġġenerat f’Malta; u li l-immodernizzar ta’ l-impjant għandu jiżgura li dan iħalli l-anqas impatt possibli fuq ir-residenti ta’ l-inħawi.  Ikun aħjar li minflok ma jitlob il-flus għar-rapporti, l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jagħmel eżerċizzju intern fost id-Deputati ta’ l-Oppożizzjoni sabiex jieqaf it-taħwid u l-miżinformazzjoni. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow