Left arrow Mur Lura

Imnedija skema ta’ għajnuna għas-settur tat-tjur

pr0252
Date Icon 19/02/2006

Fil-qafas ta’ dak li ġie negozjat ma’ l-Unjoni Ewropea, u fl-isfond ta’ dak li għaddej minnu s-settur tat-tjur, il-Gvern fassal skema ta’ għajnuna għall-produtturi u l-proċessuri li joperaw f’dan is-settur.  L-allokazzjoni ta’ fondi f’din l-iskema se tlaħħaq it-tlett kwarti ta’ miljun lira (Lm750,000). 

Din l-iskema ta’ għajnuna tinkorpora fiha l-flus allokati bħala ħlas ta’ sussidju lill-produtturi u lill-proċessuri għal din is-sena u l-allokazzjoni ta’ fondi għar-ristrutturar tas-settur għal din is-sena.  Barra minn hekk din l-iskema se tinkludi wkoll fiha l-allokazzjoni ta’ fondi għar-ristrutturar li kien hemm għas-snin 2004 u 2005 u li ma baqgħu ma tħallsux minħabba li ma kienux intlaħqu l-kriterji meħtieġa. 

Dettalji dwar din l-iskema ngħataw mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino fi tmiem attivita’ li matulha ġie inawgurat l-impjant modernizzat ta’ l-ipproċessar tat-tiġieġ ta’ C&K Ciappara & Sons Ltd., fil-Qrendi. 

Dan l-impjant sar b’investiment ta’ madwar nofs miljun lira (Lm500,000) u bbenefika wkoll minn għajnuna permezz ta’ fondi ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Gvern Malti. 

Il-Ministru Pullicino qal li biex ikun żgurat li din l-iskema tilħaq l-għanijiet ewlenin li għalihom ġiet imfassla se jkun hemm kundizzjoni li biex wieħed ikun eliġibbli għall-għajnuna irid jkun hemm żieda fil-produzzjoni ta’ laħam tat-tiġieġ ta’ 20% matul din is-sena.  Kundizzjoni oħra li qed issir fuq parti minn din l-għajnuna hi li parti mill-fondi jridu jintefqu fuq il-promozzjoni tal-laħam tat-tiġieġ lokali. 

Hu tenna li jekk il-proċessuri kollha jirnexxielhom jgħollu l-produzzjoni b’20%, hu kkalkulat li n-numru ta’ tiġieġ maqtula għal din is-sena jitla’ għal aktar minn 3.4 miljuni minn 2.8 miljuni s-sena l-oħra.  Hu esprima ruħu fiduċjuż li jekk kollox jimxi kif mistenni din il-mira tista’ tintlaħaq. 

Il-Ministru Pullicino qal li l-Gvern hu kunfidenti li l-bdiewa u l-proċessuri Maltin huma kapaċi li jissuperaw dan il-mument sensittiv u l-istabbiliment modernizzat ta’ Ciappara huwa prova ħajja ta’ dan.  Il-Gvern jemmen li l-għajnuna mħabbra mill-Gvern għandha tikkumplimenta l-isforzi tal-bdiewa u l-produtturi Maltin u għandha twassal biex tkompli tpoġġi lis-settur fuq saqajh minkejja d-diffikultajiet li għadda minnhom. 

Il-Ministru Pullicino qal li l-impjant modernizzat għandu wkoll iservi ta’ garanzija għall-konsumatur Malti li jista’ jixtri tiġieġ proċessat lokalment għaliex dan jilħaq l-ogħla standards Ewropej.  Hu appella biex ħadd ma joħloq allarm bla bżonn dwar it-tixrid tal-virus ta’ l-influwenza tat-tjur f’Malta.  Il-konsumatur Malti għandu jkollu rasu mistrieħa li t-tiġieġ prodott lokalment minn impjanti approvati ma għandhom l-ebda riskju u huma garantiti. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd Francis Agius qal li l-industrija tat-tjur għaddejja minn fażi ta’ ristrutturar u titjib fil-kwalita ta’ iġjene biex dawk l-istabbilimenti li jipproċessaw tiġieg tas-simna u li għandhom il-potenzjal li jilħqu l-istandards approvati mill-awtoritajiet kompetetenti, dawk tas-Saħħa u dawk tas-Servizzi Veterinarji, jkomplu jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex dawn jiksbu il-liċenzja ta’ approvazzjoni. B'hekk dan is-settur ikun jista’ jikkompeti u joffri prodotti friski u ta' l-aħjar kwalita lill-konsumatur.

Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li dan is-settur qed ukoll jibbenifika minn għajnuna oħra taħt l-iskema tal-Marketing and Processing li 50% ta’ l-għotja tingħata mill-Unjoni Ewropea u 50% joħroġha l-proċessur. Din l-għajnuna se tingħata wkoll matul din is-sena.  Matul is sena 2005 l-għajnuna tal-Marketing and Processing kienet  tlaħħaq madwar LM500,000. Il-Gvern qed jinnegozja mal-Unjoni Ewropea pakkett ieħor ta’ għajnuna li jwassal sas-sena 2013. 

Kemm il-Ministru Pullicino kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Agius irringrazzjaw lill-familja Ciappara għall-investiment li għamlu, li għandu jwassal biex il-konsumatur Malti issa għandu għażla oħra minn fejn jista’ jixtri prodotti tat-tiġieġ li jiġu pproċessati fl-ogħla livell ta’ kwalita’ u iġjene. 

Intant, kull min hu eliġibbli għal din l-għajnuna huwa mitlub li jikkuntattja lid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura biex jingħata aktar tagħrif.  Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent se jibgħat tagħrif aktar dettaljat biex ikun aċċertat li kull min hu eliġibbli jibbenefika minn din l-iskema. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow