Left arrow Mur Lura

IL-GVERN JIRRINGRAZZJA LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ ATTIVI FL-GĦAQDIET VOLONTARJI

pr0247
Date Icon 17/02/2006

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea, illejla fetaħ l-Assemblea Ġenerali Annwali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNZ). L-Assemblea taż-żgħażagħ qed tiltaqa` tul dan il-weekend (17 – 19 ta’ Frar) fid-Dolmen Resort Hotel, Buġibba.

L-Assemblea ġiet imsejjħa mill-President tal-KNZ, Cory Greenland. Fl-Assemblea qed jieħdu sehem delegazzjonijiet mill-għaqdiet kollha taż-żgħażagħ f’Malta u Għawdex li huma msieħba fil-KNZ (21 membri sħaħ u 9 assoċjati). Matul din l-Assemblea ż-żgħażagħ jiddiskutu r-rendikont annwali ta’ ħidma tal-KNZ, jaħtru Eżekuttiv ġdid, u jiltaqgħu f’numru ta’ workshops biex jiddiskutu t-tema ta’ l-Assemblea li din is-sena hi “Il-Promozzjoni ta’ Ċittadinanza Attiva fost iż-Żgħażagħ Maltin”. L-Assemblea kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem Ewlieni ta’ l-Oppozizzjoni għall-Edukazzjoni u Żgħażagħ, l-Onor. Carmelo Abela.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Louis Galea fakkar li l-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ (15- sa 24 sena) mhux biss jifformaw madwar 30% tas-soċjeta` Maltija iżda huma grupp soċjo-ekonomiku ta’ importanza kbira fejn tidħol il-krejattivita` u l-innovazzjoni. Il-Ministru faħħar ukoll l-eluf kbar ta’ żgħażagħ li jieħdu sehem fl-għaqdiet volontarji ta’ kull tip f’Malta u Għawdex. “Il-valur ta’ din il-ħidma għall-ġid tal-poplu, speċjalment għal dawk l-aktar fil-bżonn, batuti jew żvantaġġjati, huwa ta’ kobor kbir u mingħajru m’hemmx dubju li s-soċjeta` Maltija tidħol f’diffikolta` kif taffaċċja s-sitwazzjonijiet differenti li jinqalgħu minn żmien għal żmien.”

Il-Ministru Galea qal li l-Gvern irodd ħajr lill-mexxejja taż-żgħażagħ u jinkoraġġihom biex jipperseveraw fl-impenn u l-ħidma tagħhom. “Fil-fatt il-Gvern jixtieq jara ħafna aktar ġuvintur u tfajliet jipparteċipaw fl-għaqdiet taż-żgħażagħ sew fuq livell lokali kif ukoll fuq livell nazzjonali. L-esperjenza li ż-żgħażagħ jiksbu minn din il-ħidma mhux biss tħalli ġid lill-komunita` iżda hi ta’ valur kbir għall-formazzjoni tal-karattru u t-tħejjija għad-dinja tax-xogħol.”

Il-Ministru Galea fisser li skop ewlieni tal-ħidma tal-Gvern hi li l-ekonomija tkompli tissaħħaħ u tiġġenera xogħol għal kulħadd. “Il-Gvern jaf sew li bħalissa l-ekonomija għaddejja minn fażi ta’ ristrutturar u tiġdid. F’fażi bħal din ikollok sew telf ta’ ipjiegi kif ukoll impjiegi ġodda. F’din is-sitwazzjoni l-Gvern jagħti importanza kbira lix-xogħol għaż-żgħażagħ.”

Il-Ministru Galea fisser kif il-Gvern qed jinvesti bil-qawwi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ taż-żgħażagħ. L-ETC qed tħaddem diversi skemi speċjali ta’ taħriġ u esperjenza ta’ xogħol għaż-żgħażagħ f’Malta u Għawdex. L-ETC issa qed tħejji biex tkabbar sew in-numru ta’ żgħażagħ li jiġu offruti esperjenzi ta’ xogħol u taħriġ fejn il-Gvern jagħti sussisdji qawwija sew lill-employers kif ukoll liż-żgħażagħ.

Il-Ministru Galea temm il-messaġġ tiegħu b’appell ħalli ż-żgħażagħ jagħmlu l-aqwa użu miż-żmien ta’ l-edukazzjoni formali tagħhom għaliex l-aqwa garanzija tax-xogħol tista` tiġi biss minn tħejjija edukattiva u vokazzjonali b’saħħitha.

Il-KNŻ twaqqaf fl-1992 u fost il-ħidma tal-kunsill insibu ħidma favur id-drittijiet taż-żgħażagħ, ħidma biex tiżviluppa u titwettaq il-politika taż-żgħażagħ, ħidma mal-Kunsilli Lokali, Il-Parlament taż-Żgħażagħ, diskussjonijiet fuq temi attwali u ta’ importanza għaż-Żgħażagħ, l-attivitajiet ta’ Jum iż-Żgħażagħ, ħidma if-Forum taż-Żgħażagħ tal-Mediterran, Seminars biex jiżviluppaw ħiliet taż-żgħażagħ u tal-mexxejja tagħhom u dwar l-ambjent, ħidma favur l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità, u attivitajiet soċjali u kulturali. Il-Kunsill għandu bħala membri 21 organizzazjoni taż-żgħażagħ li bejniethom jirrapreżentaw mat-30,000 żgħażugħ u żagħżugħa.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow