WASAL BIEX JITLESTA X-XOGĦOL FUQ IT-TRIQ TA’ AĊĊESS GĦALL-IMTARFA
Il-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Għajn Qajjet beda riesaq lejn it-tlestija tiegħu wara li beda jingħata l-ewwel saff ta’ tarmak fuq din it-triq ewlenija li twassal għall-belt ta’ l-Imtarfa.
Waqt żjara li għamel dal-għodu fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li l-ftuħ ta’ din it-triq ser jestendi x-xibka ta’ toroq arterjali li nbnew skond l-ogħola standards fil-kostruzzjoni u diżinn tat-toroq f’Malta.
“Din it-triq taqdi wkoll il-funzjoni importanti li tgħaqqad is-16.5-il kilometru ta’ toroq li saru bil-fondi tal-Ħames Protokoll Taljan is-sena l-oħra mal-bypass ta’ l-Imtarfa.”
Ix-xogħol fuq Triq Għajn Qajjet kien jinvolvi l-bini mill-ġdid ta’ din it-triq twila madwar 600 metru kif ukoll titjib fir-roundabout junction li hemm fit-tarf tagħha. It-triq inbniet skond l-istess metodi u standards li inbnew bihom it-toroq tal-proġett tal-Protokoll Taljan u għalhekk dawn jifilħu jġorru sa’ madwar miljun vettura tqila fil-25 sena li huma ddiżinjati biex iservu. L-asfalt tal-wiċċ tat-triq ukoll huwa ta’ -istess tip li ntuża fit-toroq tal-Protokoll Taljan.
Il-bini ta’ din it-triq ippreżenta diversi sfidi fosthom il-fatt li l-parti l-antika tat-triq kellha diversi servizzi antiki għaddejjin minn taħtha bħal drenaġġ, storm water systems, u bosta cables li ma kienux magħrufa mal-kumpanniji tas-servizzi peress li kienu tqegħedu mis-servizzi militari Ingliżi.
Barra minhekk kien hemm kwistjoni dwar l-ammont ta’ ilma taħt il-pedamenti tat-triq li wasslet għal upgrade fid-diżinn tat-triq. Is-sit kemm-il darba spiċċa mgħarraq wara x-xitat qliel ta’ l-aħħar xhur. Fil-fatt ix-xogħol kien prattikament wieqaf għal dawn l-aħħar xagħrejn minħabba li l-bażi tat-triq kienet imxarrba bix-xita kontienwa li għamlet.
F’dan il-proġett ser ikunu tqgħedu 550 metru ta’ service ducts, 400 metru ta’ storm watersewers, 600 metru ta’ ducting, 900 metru ta’ mains ta’ l-ilma ġodda u 7,400 metru kwadru ta’ tarmak.
It-triq ser tinfetaħ għat-traffiku fi żmien ħmistax filwaqt li x-xogħol fuqha jitlesta fil-bidu ta’ Marzu.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq iddeskriva dan il-proġett bħala xhieda oħra tal-impenn tal-Gvern li jkompli jagħti prijorità għolja lit-titjib tan-network tat-toroq f’Malta.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Mugliett irrefera għax-xogħol li għaddej fuq il-bypass ta’ l-Imtarfa bħalissa.
“Fil-bypass bħal issa qed isir xogħol fuq l-aħħar sezzjoni tar-retaining wall li qed jinbena biex tissaħħaħ it-triq. Fl-istess ħin qed titlesta d-dokumentazzjoni neċessarja biex jinħareġ it-tender għall-għoti tat-tarmak fuq l-aħħar parti bejn ir-roundabout san-Nigret. Il-pjan hu li x-xogħlijiet fuq din il-bypass jitlestew sas-sajf li ġej,” qal il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.
“Ix-xogħlijiet kollha li saru u qed isiru fl-inħawi tar-Rabat u l-Imtarfa huma konsiderevoli. Ħafna mit-toroq li jwasslu għall-Imtarfa ser ikunu skond il-livell mistenni minn pajjiż modern,” żied jgħid il-Ministru Mugliett.
Hu qal ukoll li hekk kif jitlestew dawn ix-xogħlijiet, il-Ministeru ser jibda jħares lejn ħtiġijiet oħra li hawn f’dawn l-inħawi – fosthom it-tiswija tat-toroq madwar Wied il-Qlejja u anke Triq l-Imtarfa, fl-Imtarfa stess. Din ta’ l-aħħar hija t-triq l-antika ta’ l-Imtarfa fejn għal għexieren tas-snin qatt ma sar xogħol fuqha.
Il-Ministru Mugliett qal li l-iżvilupp kbir li sar ġewwa l-Imtarfa, li x’aktarx wassal għad-deterjorazzjoni mgħaġġla ta’ din it-triq, jitlob li din isirulha tiswijiet radikali. Il-pjan tal-Ministeru huwa li t-tenders għal din it-triq jinħarġu lejn l-aħħar ta’ din is-sena.
Stqarrijiet Oħra:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951