Left arrow Go Back

IL-GVERN LEST LI JINVOLVI LILL-OPPOŻIZZJONI F’INIZJATTIVI TA’ MMANIĠĠJAR TA’ L-ISKART

pr0231
Date Icon 16/02/2006

Il-Gvern huwa dispost li jinvolvi lill-Oppożizzjoni f’inizjattivi ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart.  Dan irid isir fil-kuntest ta’ l-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Immaniġġjar ta’ l-Iskart u bħala parti minn pjan strateġiku. 

B’riferenza għad-diskors tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni fil-Ħamrun fejn poġġa s-separazzjoni ta’ l-iskart bħala waħda mill-prioritajiet tal-ħidma tiegħu, il-Gvern itenni li dan hu settur li anke l-Gvern iqisu bħala wieħed ta’ priorita’ u għalhekk huwa dispost li jisma u jitkellem ma’ l-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward. 

Il-Gvern isostni li huwa inutli li wieħed jitkellem fuq separazzjoni ta’ l-iskart mid-djar jekk qabel ma tkunx tqiegħdet l-infrastruttura meħtieġa biex dan ikun jista’ jitwettaq b’mod effettiv u vjabbli.  F’dan il-kuntest ta’ min isemmi l-bini ta’ impjanti li jittrattaw dan l-iskart isseparat, bħalma hu l-impjant ta’ Sant’Antnin kif ukoll it-twaqqif ta’ numru adekwat ta’ bring-in sites fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.  Ta’ min ifakkar li bħalissa l-Gvern għaddej b’eżerċizzju li għandu jwassal biex in-numru ta’ bring-in sites jitla’ minn 70 li hemm bħalissa għal 400. 

Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni suppost jaf li l-Istrateġija Nazzjonali attwali dwar l-Immaniġġjar ta’ l-Iskart titkellem b’mod speċifiku dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart.  Barra minhekk, bħalma kien tħabbar xi żmien ilu, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq Strateġija riveduta għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart Solidu fil-Gżejjer Maltin biex tirrifletti l-progress li sar fit-twettieq taghha. Abbozz ta’ din mistenni jkun imniehdi għall-konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin. 

Il-Gvern qed itenni d-disponibbilta’ tiegħu li jinvolvi bis-sħiħ lill-Oppożizzjoni għaliex jemmen li dan hu settur li għandu jitħalla ’l fuq minn kull partiġġjaniżmu politiku u din l-inizjattiva tkun tista’ tibda titwettaq qabel ma hu previst mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni nnifsu. Tajjeb li jinghad li bidla radikali bhal din tirrikjedi riżorsi ġodda li dwarhom il-Gvern dispost li jikkonsulta ma’ l-Oppożizzjoni sabiex jinstab ftehim. 

Fir-rigward tal-proposti l-oħrajn elenkati mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, il-Gvern jirriafferma li diġà qed iwettaq bil-fatti dawn il-proposti. 

Il-Gvern jawgura li l-Oppożizzjoni tieħu atteġġjament kostruttiv għaliex dan jassigura li tabilħaqq inkomplu npoġġu l-immaniġġjar ta’ l-iskart fuq sisien sodi u dan għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

More Press Releases Right arrow