Left arrow Go Back

IL-PRESIDENT U S-SINJURA FENECH ADAMI JŻURU L-LOKALITA’ TA’ PEMBROKE NHAR IL-ĦADD LI ĠEJ

pr0227
Date Icon 15/02/2006

Il-President ta’ Malta, l-E.T. Dott. Edward Fenech Adami u s-Sinjura Fenech Adami ser jagħmlu żjara uffiċjali f’Pembroke nhar il-Ħadd, 19 ta’ Frar, 2006.

Din hija waħda minn sensiela ta’ żjarat li minn xahar għal ieħor, il-President ta’ Malta qed jagħmel fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex.  

F’Pembroke, il-President Fenech Adami ser jiltaqa’ mas-Sindku u l-membri tal-Kunsill Lokali u ser izur it-tlett Clubs sportivi u l-Batterija ta’ Pembroke, li huwa post ta’ interess kulturali. Ser ikollu wkoll l-opportunita’ li jiltaqa’ ma’,  u jara x-xogħlijiet artistici ta’ l-iskultur u pittur Antoine Paul Camilleri.  

Il-President u s-sinjura Fenech Adami ser jattendu għal quddiesa tal-Ħadd tal-10.45 a.m.,  u wara ser jiltaqghu mar-residenti u membri ta’ assoċjazzjonijiet varji f’Pembroke fis-Sala tal-Parroċċa. L-Iscouts u l-banda tagħha ser jipparteċipaw ukoll f’din iż-żjara. 

Storja ta’ Pembroke

Pembroke, l-aktar belt ġdida ta’ Malta issemmiet hekk fl-1859 wara it-tnax-il “Earl ta’ Pembroke” u Segretarju Ingliż tal-Gwerra. Għandha fuq naħa waħda l-baħar Mediterran u fuq it-tlett naħat l-oħra l-belt ta’ San Ġiljan u ż-żoni residenzjali tas-Swieqi u Baħar iċ-Ċagħaq. Il-popolazzjoni sa’ l-aħħar ta’ Marzu 2003 kienet ta’ 2630. 

Pembroke taf l-oriġini tagħha lill-Kavallieri ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm li bnew żewġ torrijiet fuq il-kosta tagħha bħala mezz ta’ difiża għall-Port-il-Kbir minħabba l-pożizzjoni strateġika ta’ Pembroke. Madanakollu, s-Servizzi Ingliżi kienu strumentali fl-iżvilupp u l-fortifikazzjoni ta’ din il-belt. L-ewwel bini li nbena bejn l-1859 u l-1862 kienu l-“Barracks” li ssemmew għal San Ġorġ – il-patrun ta’ l-Ingliżi. Aktar bini nbena fis-snin ta’ wara u issemma wara l-patruni ta’ l-Irlanda w l-Iskozja – San Patrizju u Sant’Andrija rispettivament.  

Il-Forti Pembroke inbena bejn l-1875 u l-1878 biex iservi ta’ difiża għal xi attakk mill-għadu minn fuq il-baħar kif ukoll mill-art minn naħa tal-“Victoria Lines”. Aktar tard inbniet il-Batterija ta’ Pembroke biex iservi għall-istess skop ta’ difiża. Kienu diversi reġimenti li servew f’Pembroke u l-aħħar suldati Ingliżi jingħad li telqu minn Pembroke f’Marzu ta’ l-1979.  

Matul it-Tieni Gwerra dinija, il-Priġunieri tal-Gwerra Ġermaniżi miżmuma f’Pembroke, bnew kappella żgħira biex taqdi l-ħtiġijiet tas-Servizzi Ingliżi. L-art li kienet okkupata mis-servizzi Ingliżi għaddiet għand il-Gvern Malti u wara li għal xi snin kienet mitluqa, f’nofs is-snin tmenin “il-Barracks” bdew jiġu mibdula f’residenzi privati, uffiċini u kumpless turistiku. Aktar tard il-Gvern ħareġ l-artijiet għall-bejgħ u l-ewwel residenti daħlu fi djarhom fl-1986.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

More Press Releases Right arrow