IL-PULIZIJA TINVESTIGA SERQ TA’ KARTI TA’ EŻAMI
Il-Pulizija qed tinvestiga s-serqa ta’ karti ta’ l-eżami ta’ nofs is-sena tal-Form 5 fil-Junior Lyceum Giuseppi Despott, Cottonera.
Id-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni rrappurtat il-każ il-bieraħ kmieni wara nofs in-nhar fid-Depot tal-Pulizija. It-Taqsima kontra r-Reati Ekonomiċi [Frodi], taħt it-tmexxija ta’ l-Assistent Kummissarju Michael Cassar, fi żmien qasir identifikat tliet studenti li nżammu biex jgħinu l-Pulizija fl-investigazzjoni tagħha.
Il-każ kellu l-bidu tiegħu l-bieraħ it-Tlieta, 14 ta’ Frar, 2005, għall-ħabta tal-11.00 a.m., meta student li kien qed jagħmel l-eżami ta’ nofs is-sena tal-Ġeografija tal-Form V fl-iskola msemmija, inqabad mill-invigilator jikkopja minn fuq biċċa karta. Immedjatament l-awtoritajiet ta’ l-iskola nvestigaw u rriżultalhom li l-biċċa karta kienet parti mill-karta ta’ l-eżami li kienet għand l-istudent qabel beda l-eżami.
Il-Kap ta’ l-iskola rrapporta l-każ lid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Id-Direttur Ġenerali irreferiet il-każ lill-Pulizija.
Lill-Pulizija s’issa irriżultalha li tliet studenti serqu kopja ta’ karti ta’ l-eżami mill-uffiċċju ta’ l-iskola fejn jinżammu dawn il-karti. Irriżulta wkoll li l-istudenti bdew ibiegħu dawn il-karti lil uħud minn sħabhom.
Fil-kors ta’ l-investigazzjoni tagħha matul dal-lejl, il-Pulizija s’issa identifikat disa` studenti li setgħu kisbu kopja ta’ xi karta ta’ l-eżami. Il-Pulizija fi tfittxija li għamlet fid-djar ta’ uħud sabet xi karti ta’ l-eżami u ġabrithom lura. Il-Pulizija qed tkompli bl-investigazzjoni tagħha bl-iskop li jsiru magħrufa l-fatti kollha konnessi mal-każ u tressaq lill-istudenti quddiem il-Qorti skond il-liġi.
Sadanitant il-Kap ta’ l-iskola ssospenda indefinittivament lit-tliet studenti sospettati bis-serqa mill-iskola. Studenti li qed jirriżulta lill-Pulizija li seta` kellhom kopja ta’ xi karta ta’ l-eżami qed jiġu sospiżi milli jkomplu l-eżami.
Id-Direttur Ġenerali ser tirreferi l-każ lill-Bord Nazzjonali dwar Imġieba fl-Iskejjel għal deċizjoni definita ta’ dixxiplina fil-konfront ta’ l-istudenti nvoluti.
Bla preġudizzju għal kull deċiżjoni li tista` tkun meħtieġa fid-dawl ta’ l-iżviluppi li jistgħu jirriżultaw mill-investigazzjonijiet li qed isiru, d-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni ordnat li l-eżami ta’ nofs is-sena jkompli b’mod regolari għall-istudenti l-oħra mhux involuti.
Il-Pulizija, immexxija mill-Ispettur Joseph Cordina taħt id-direzzjoni ta’ l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha u qed iżżomm xi studenti biex jgħinuha.
Min-naħa tiegħu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Dr Louis Galea, ħatar Bord ta’ Inkjesta taħt il-Liġi dwar l-Inkjesti, biex jinvestiga l-każ u jistabbilixxi jekk kienx hemm xi nuqqas jew xi responsabbilita` da parti ta’ xi uffiċjal jew impjegat pubbliku. Il-Ministru inkariga lis-sur Sebastian Debono, Chairman tal-Bord ta’ l-Eżamijiet Pubblici, biex imexxi din l-inkjesta.
L-eżamijiet in kwestjoni huma esklussivament organizzati mid-Dipartiment tal-Kurrikulu fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u mhux mid-Dipartiment ta’ l-Eżamijiet Pubbliċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951