Left arrow Mur Lura

330 TRIQ ĠDIDA FI TLIET SNIN GĦALL-ĠID TAR-RESIDENTI U L-INPRENDITURI ŻGĦAR

pr0215
Date Icon 14/02/2006

Il-bini ta’ toroq f’żoni residenzjali u industrijali huma ta’ prijorità għall-Gvern tant li mis-sena 2003 ‘l hawn, il-Gvern bena b’madwar 300 triq residenzjali f’ lokalitajiet madwar Malta u mal-25 triq oħra f’żoni industrijali.

Waqt żjara li għamel f’Albert Town, fejn għadu kemm tlesta xogħol għall-valur ta’ madwar Lm80,000 fuq il-kostruzzjoni ta’ żewġ toroq, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li l-bini ta’ toroq residenzjali bħal dawn iġib miegħu titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li joqgħodu fihom. 

“Fil-każ tax-xogħlijiet fi Triq ix-Xwieni u Triq Troubridge, qed igawdu minnhom anke l-intrapriżi żgħar li joperaw f’dawn l-inħawi. Dan minħabba li mhux biss tjieb l-aċċess lejn in-negozju tagħhom, iżda waqt ix-xogħlijiet, ġew imsaħħa s-servizzi li jgħaddu minn dawn it-toroq,” qal il-Ministru Mugliett. 

Hu qal li t-titjib tan-network ta’ toroq ta’ pajjiżna ser jibqa’ jingħata prijorità għolja mill-Gvern fis-snin li ġejjin.  

“Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li minkejja li pajjiżna din is-sena ser ikun qed jirċievi mas-€26 miljun mill-Unjoni Ewropea biex jintefqu f’xogħlijiet fuq toroq arterjali u distributorji, l-allokazzjoni mill-Fond Konsolidat għal din is-sena xorta waħda tilħaq is-Lm7 miljuni – li hija fost l-ogħla fl-aħħar snin. Dan l-ammont ta’ finanzjament jagħtina ċ-ċans niffukaw aktar fuq toroq residenzjali biex fit-tliet snin li ġejjin, jinbnew il-biċċa l-kbira tal-madwar 400 triq li għadhom iridu jinbnew mill-Gvern Ċentrali,” qal il-Ministru Mugliett. 

“L-għan prinċipali tal-Ministeru huwa li jgħolli l-livell tat-toroq Maltin kollha, jiġifieri dawk arterjali, distributorji, f’inħawi residenzjali u f’żoni industrijali għal dak li wieħed jistenna f’pajjiż modern,” temm jgħid il-Ministru. 

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għan-Negożji Żgħar u Self-Employed, Edwin Vassallo li min-naħa tiegħu qal li l-Gvern hu impenjat li jibqa’ jara li kull min jaħdem f’Żoni Industrijali jkollu madwaru l-aħjar infrastruttura possibbli. 

F’dawn l-aħħar snin hu kkalkolat li diġa’ ntefqu mat-tlett miljun Lira Maltin fi proġetti infrastrutturali f’erba’ żoni industrijali li huma l-Imrieħel, Ħandaq, Mosta, u Ħaż-Żebbuġ.  Żoni li llum, fihom, is-sidien jistgħu jaħdmu ferm aħjar, u saru żoni aktar aċċessibbli, kemm għall-istess sidien kif ukoll għal konsumaturi. Kien imiss issa li l-ħidma tal-Gvern tinfirex fi spazji u toroq oħra li bħalissa qegħdin bil-mod il-mod jiżviluppaw f’żoni industrijali ġodda.  

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li dan li qed naraw illum, hawn fiż-żona ta’Albert Town, m’hu xejn għajr il-bidu ta’ ħidma ġdida f’dawn iż-żoni speċifiċi fejn fihom, numru ta’ ħaddiema qed jaqilgħu l-għixien tagħhom min-numru ta’ negozji żgħar. In-numru ta’ nies li jaħdmu għal rashom qiegħed kull jum ikompli jikber.  Hekk kif tixhed l-istatistika tan-numru ta’ liċenzji ġodda għan-negozju, li f’din l-aħħar sena biss, żdiedet b’elfejn liċenzja ġdida.  Dan ifisser ukoll li kull jum qed tiżdied id-domanda għal siti ġodda minn fejn dawn il-liċenzjati jkunu jistgħu joperaw u jħaddmu n-negozji tagħhom. 

Dan il-fatt pożittiv, ta’ żieda fil-liċenzji tan-negozji, kif ukoll id-domanda għal spazji ġodda minn fejn dawn jaħdmu, ikkrea obbjettiv ġustifikat għaliex il-Gvern kellu jagħti prijorita’ lil dawn is-siti li qed jiġu żviluppati f’żoni industrijali ġodda u jfassal programm ta’ ħidma sabiex titjieb l-infrastruttura u l-organizzazzjoni ta’ l-istess żoni. Il-mira tal-Gvern hija dik li dejjem nibqgħu nkunu minn ta’ quddiem nett sabiex ngħarrfu ntejjbu l-ambjent li fih dawn is-sidien ta’ negozji żgħar u medji, ikunu qed joperaw. 

“Is-Segretarjat Parlamentari għan-negozji żgħar u s-self employed, flimkien mal-Gvern ser nibqgħu inkunu viċin l-istess sidien ta’ negozji sabiex minn għandhom nibqgħu nisimgħu x’inhuma eżattament il-ħtiġijiet tagħhom, u kif aħna nistgħu inkunu ta’ għajnuna, biex b’hekk  jiġu ġġenerati aktar impjiegi f’dan is-settur ferm importanti għal pajjiżna,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.   

Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq f’dawn l-aħħar xhur kien qed jaħdem mill-qrib mas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed fiż-żewġ żoni industrijali fl-Imrieħel u l-Mosta. Bħalissa ż-żewġ Ministeri qed jaħdmu flimkien sabiex fi ftit ġimgħat oħra tinħareġ it-tender għall-bini tal-Crafts Village f’Ta’ Qali. Permezz ta’ din l-ħidma kollettiva, ikun żgurat li l-ħtiġijiet diversi jkunu indirizzati fl-aħjar interess tal-operatur.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow