Diskors mill-Onor. Francis Zammit Dimech, Ministru ghat-Turiżmu u l-Kultura, waqt il-preżentazzjoni tal-midalja tad-deheb lil Joe F. X. Zahra – Valletta – 13.02.2006
Eċċellenza Sur President,
President u Membri tal-Soċjeta’ Maltija, ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ,
Sinjuri,
Kellna laqgħa oħra ta’ bejnitna b’aġenda pjuttost wiesgħa u b’emfasi partikolari fuq qasam importanti tax-xena kulturali u artistika ta’ pajjiżna. Fi tmiem dik il-laqgħa l-ħabib tiegħi Joe F. X. Zahra semmili b’ton umli li s-Soċjeta’ Maltija ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ għażlitu għall-għoti ta’ din il-midalja tad-deheb li s-Soċjeta’ qed tagħti b’rikonoxximent lil persuna li tassew spikkat billi wriet inizjattivi u kwalitajiet straordinarji fil-qasam tal-kummerċ u l-arti.
Ma kellix għalfejn nistaqsi lili nnifsi – għaliex Joe? Bla ebda dubju dan huwa mertu li jistħoqqlu u jistħoqqlu bil-kbir. Pjuttost kelli nagħmel mistoqsija differenti: għaliex jien? Għaliex Joe kien qed jagħżel, minn tant persuni li seta’ faċilment idur fuqhom, lili biex nagħmel dan id-diskors ta’ preżentazzjoni fuqu. Ftakart malajr li ftit xhur qabel, konna preżenti għal okkażjoni ta’ egħluq snin qarib tiegħu u ħabib kbir tiegħi fejn kont mistieden ngħid kelma jew tnejn! Pero’ ftakart ħafna aktar minn hekk, għax ftakart li issa ilni naf lil Joe għal prattikament erbgħin sena peress li t-tnejn li aħna konna flimkien studenti fil-Kulleġġ San Alwiġi. Grazzi Joe talli għoġbok tagħtini dan il-privileġġ.
Ippermettuli nibda din il-preżentazzjoni bi kwotazzjoni minn dak li kont ktibt fuq Joe tlieta u tletin sena ilu. Se nikkwota mid-daħla li bħala editur kont għamilt għall-ġabra ta’ poeziji minn Joseph F. X. Zahra miġbura fil-ktieb li jġib l-isem ‘Jien’. Ktibt, “Konkluzzjoni waħda: Zahra mhuwiex biss ‘poeta jew kittieb ieħor’.. Kien hemm ħafna kittieba li ftit li xejn għandhom individwalita’ personali tagħhom u għalhekk l-importanza tagħhom hi limitata. Dan mhux il-każ ta’ Zahra.”
Nemmen li diġa’ f’din il-ġabra ta’ poeziji qed naraw diversi karatteristiċi li jispjegaw lil Joe u li jitfgħu dawl fuq il-kisbiet u kwalitajiet straordinjari tiegħu. Qed nirreferi għall-karatteristika ta’ l-individwalita’ u allura krejattivita’ tiegħu li f’ ħidmietu asserixxa, mingħajr ma qagħad ifittex il-kumdita’ tal-konformiżu jew sempliċiment ta’ dak li minn żmien għal żmien jista’ jkun il-moda. Qed nirreferi wkoll għall-karatteristika tas-sinċerita’ tiegħu – se jgħidlek dejjem dak li jħoss u tista’ tafda fil-kelma tiegħu – mhux bilfors taqbel ma’ kull parir li se jagħtik imma taf li mhemmx mottivi ulterjuri. Qed nireferri wkoll għall-karatteristika ta’ l-emfasi fuq il-valuri, fuq dak li huwa sewwa. Nista’ nikkwota f’dan ir-rigward fit-tul mill-istess kitba tiegħu imma l-ħin ma jippermettix. Toħroġ ukoll il-karatteristika ta’ l-attenzjoni għad-dettal. Fil-letteratura, l-għażla ta’ kull kelma, fil-forma stampata: anki l-għażla tat-tipa, tal-karta, ta’ kif isir l-impaġnar, tal-preżentazzjoni sħiħa fejn ebda dettal mhu żejjed jekk jistoqqlu l-attenzjoni. Dawn il-karatteristiċi mbagħad ifissru oħra: dik li toffri sens ta’ leadership – sens ta’ tmexxija u ta’ gwida lil persuni oħra, għax dejjem hemm għatx kbir għal min kapaċi jagħti direzzjoni ċara, li jaf jgħmel hekk bla tlaqliq, bla ħafna titubar, u bla biżgħa.
F’dawn is-snin bikrin, ma kontx sirt naf lil Joe biss mill-kitba tal-poeżija tiegħu. Kien kiteb ukoll żewġ drammi, ‘Bniedem Imperfett’ u ‘Bnedmin taċ-Ċikkulata’. Iż-żewġ drammi ttellgħu fit-teatri ta’ l-Universita’, il-Belt u Tal-Qroqq. Joe kien għen bl-aktar mod attiv fid-direzzjoni tagħhom. Niftakarhom sew, anki għax ħadt sehem fit-tnejn li huma! Bħal ma kien ċar fil-poeżija tiegħu, id-drammi tiegħu kienu jagħtu messaġġ qawwi kontra l-artifiċjalita’, l-ipokresija u l-monotonija tal-ħajja meta tkun bla skop. Niftakar b’mod partikolari t-taqbida tal-bniedem biex ma jispiċċax damma ta’ ‘spare parts’ jew manipulat minn forżi esterjuri għalih li jkunu jixtiequ jagħġnuh kif jaqbel lilhom!
Il-kitbiet ta’ Zahra jirriflettu tfittxija ġenwina għat-tifsira vera tal-ħajja, għal x’iwassal biex il-bniedem jilħaq tassew il-milja tiegħu. Dawn huma ħsibijiet li l-umanita’ iffaċċjat tul l-istorja. Niftakar b’mod partikolari ktieb maħruġ mill-pinna ta’ psiko-analista’ Erich Fromm li fl-1976 ħareġ ‘To Have or to Be?’ fejn jemfasizza li l-bniedem anki fuq bażi ta’ analisi xjentifika ma jista’ qatt ikejjel lilu nnifsu biss fuq x’jipposjedi. Fromm jikteb tletin sena ilu, “(Growing numbers) are beginning to discover that having much does not create well being: traditional ethical teaching has been put to the test – and is being confirmed by experience.”
Insemmi dan kollu għax fost l-isbaħ memoriji tal-ħbiberija tiegħi ma’ Joe meta konna l-Kulleġġ San Alwiġi, il-Junior College, kif ukoll l-Universita’, kienu l-ħinijiet twal li flimkien ma’ diversi ħbieb oħra konna nqattgħu f’xi kafe’ jew ieħor, ġeneralment il-belt Valletta, nidiskutu b’passjoni u impenn xi suġġett jew ieħor u tistgħu tkunu ċerti li l-analisi kienet invarjabbilment tinkludi l-angoli politiċi (fis-sens wiesgħa tal-kelma), ekonomiċi, filosofiċi, reliġjużi, xi ftit psikoloġiċi, u ta’ spiss kulturali b’riferenzi preċisi għal xi kittieb jew ieħor, jew anki għal xi artist li konna nammiraw. Kienu snin ta’ formazzjoni mill-aqwa u nerġa’ nsostni: jitfgħu ħafna dawl fuq ħidmet Zahra fis-snin ta’ wara.
Fl-Universita’, Joe studja u ggradwa bl-unuri fl-Ekonomija. Ħareġ mill-Universita’ bl-M.A. fl-1979 u erba’ snin wara waqqaf is-socjeta’ tiegħu MISCO li għadu jmexxi sal-ġurnata tal-lum. Hawn nibdew naraw l-individwalita’ u s-sens ta’ tmexxija tiegħu anki fil-qasam tax-xogħol. Permezz tal-MISCO kien qed iwaqqaf soċjeta’ li tipprovdi taħriġ speċjalment għal persuni f’karigi esekuttivi kif ukoll stħarriġ tas-suq permezz ta’ riċerka xjentifika – fejn hemm bżonn anki permezz ta’ opinion polls. Din is-soċjeta’ għadha sal-lum l-akbar kumpanija f’Malta li tispeċjalizza f’dawn iż-żewġ oqsma. Bla dubju, Joe kien pijunier u jekk illum huwa ferm aktar faċli għalina lkoll nitkellmu dwar il-ħtieġa tat-taħriġ kontinwu, ta’ kif tittratta sew mal-klijenti, dwar kif tiżviluppa b’mod għaqli l-linja tan-negozju tiegħek u dwar il-ħtieġa li tagħmel riċerka fuq x’jixtieq is-suq minnek - ikun x’ikun l-iskop ta’ dak li għandek bżonn tkun taf aktar dwaru – dan qed nagħmluh għax ferm qabel ma dan kollu sar ‘moda’, Joe kien diġa’ wera t-triq. Għamel hekk fuq bażi professjonali, mingħajr kompromessi mal-kwalita’ tax-xogħol li joffri, u fl-istess ħin wera x’għandu jkun l-ambjent modern u effettiv li fih għandek tmexxi kumpanija tiegħek f’dan il-pajjiż. Joe ta wkoll dimensjoni internazzjonali lill-ħidma tiegħu għax apparti minn MISCO, Market Intelligence Services Co. Ltd. huwa wkoll il-ko-fundatur ta’ MISCO International Ltd. u Impetus Europe Consulting Ltd.
Irrid inżid li għal aktar minn dawn l-aħħar għaxar snin, Joe okkupa l-kariga ta’ ‘Visiting Lecturer’ fl-ekonomija fl-Universita’ ta’ Malta, u mis-sens 2000 'il hawn, jagħti wkoll lectures f’ ‘managerial economics’ b’mod regolari fl-Universita’ degli Studi ta’ Messina. Barra minn hekk jindirizza b’mod regolari konferenzi u seminars fuq l-ekonomija, management u finanzi fl-Ewropa, l-Istati Uniti ta’ l-Amerka, u l-Afrika ta’ Fuq. Huwa wkoll Chartered Marketer u Fellow taċ-Chartered Institute of Marketing kif ukoll membru tal-Market Research Society fl-Ingilterra u tal-Gruppo di Studio per il Bilancio Sociale f’Milan, l-Italja.
Ma setax jonqos li Joe okkupa diversi karigi ta’ natura pubblika. Nista’ ngħid li f’kull każ għamel hekk b’sens ta’ dover u biex ikun ta’ servizz lejn pajjiżu għax kif nista’ nikkomferma anki minn meta kelli bżonnu f’xi inkarigu koness mal-Ministeru tiegħi, meta Joe jidħol f’inkarigu bħal dan, fil-fatt ikun qed jissagrifika mill-ħin li jista’ jagħti lis-soċjetajiet personali tiegħu, biex ma nsemmix ukoll mill-ħin li jkun jixtieq jagħti aktar lil martu Lucienne u t-tfal tiegħu David u Maria. Biss Joe dejjem sab kif iżomm bilanċ bejn id-doveri diversi li kien kapaċi jidħol għalihom.
Bejn l-1992 u l-1996 serva bħala direttur fuq il-bord tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, u bejn l-1995 u l-1996 serva wkoll fuq il-bord tal-Malta Development Corporation.
Imbagħad bejn l-1998 u l-2004, Joe F. X. Zahra serva bħala Chairman tal-Bank of Valletta. Dan għamlu fi żmien ta’ bidliet kbar fil-qasam ekonomiku u finanzjarju li kienu qed iseħħu ta’ malajr imma fl-istess b’għaqal u korrettezza. Joe kien kapaċi jżomm dan il-bank mhux sempliċiment f’wiċċ l-ilma imma anki bħala l-akbar bank f’pajjiżna, bħala bank li kapaċi jikkompeti b’mod leali ma’ bank internazzjonali li jista’ juża risorsi umani, tekonoloġiċi u oħrajn minn madwar id-dinja. B’mod partikolari kien ħadem għal żviluppi fil-qasam ta’ l-infrastruttura teknoloġika tal-bank kif ukoll biex il-bank jespandi lil hin minn xtutna u jkun parti minn network mediterranju – li fih irnexxilu jgħaqqad flimkien għaxar banek minn Malta, Franza, l-Italja, Spanja, il-Portugall, it-Turkija, Israel, it-Tuneżija, Slovenja u l-Ġordan – u b’hekk jagħtih profil aktar importanti. Jekk illum nitkellmu fuq prezz ta’ l-ishma f’dan il-bank li prattikament javvanza kuljum, parti mill-mertu tmur għall-ħidma li wettaq Joe meta serva bħala Chairman tiegħu. Imma għalija mertu kbir li Joe wera meta kien qed imexxi l-Bank of Valletta, kien li ried li l-Bank jagħti sehmu favur l-arti u l-kultura f’pajjiżna. Il-Bank ma ħarisx biss lejn il-profitti imma ħares ukoll lejn dik li tissejjaħ ir-responsabbilta’ soċjali korporattiva tiegħu (suġġett li fuqu Joe ta taħditiet u għandu wkoll pubblikazzjoni fuq hekk). Il-Bank iffanzja pubblikazzjonijiet mill-aktar prestiġjuzzi, ta sehmu fi proġetti ta’ riabilitazzjoni u anki daħal fi ftehim ma’ Heritage Malta fuq il-proġett għall-konservazzjoni u preżentazzjoni aħjar tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien.
Fl-2003, Joe serva wkoll bħala Chairman tal-Maltacom fejn ukoll ħadem favur il-kultura tal-bidliet meħtieġa. Kemm il-Bank of Valletta kif ukoll il-Maltacom din is-sena mistennija jgħaddu minn proċess ta’ privatizzazzjoni jew aħar ta’ strategic partnerships li jkomplu jsaħħu r-rwol tagħhom f’pajjiżna.
Meta twaqqaf il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fl-2002, Joe serva bħala l-ewwel Chairman ta’ dan il-Kunsill. Ta lil dan il-Kunsill viżjoni u strateġija li jirriflettu biċ-ċar l-impenn tiegħu favur artisti stabbiliti u dawk ġodda, kittieba, mużiċisti, poeti, drammaturgi u oħrajn fl-oqsma tal-visual and performing arts. Il-ħidma tiegħu anki hawn wriet li jemmen bis-serjeta’ fis-sinerġiji bejn id-dinja tan-negozju u dik tal-kultura għax kif accennajt qabel, il-bniedem ma jsibx il-milja tiegħu sempliċiment billi jkejjel x’jipposjedi mil-lat materjali. Illum għalkemm Joe m’għadux Chairman ta’ dan il-Kunsill, aċċetta inkarigu mingħandi sabiex jikkordina x-xogħol kollu meħtieġ sabiex f’Malta jkollna l-Akkademja tal-Mużika, u nista’ ngħid mix-xogħol dettaljat u metikoluż li huwa diġa’ mexxa, li qegħdin fit-triq it-tajba biex nagħtu lil Malta dak li tassew jixirqilha.
Permezz tal-ħidma kulturali u artistika tiegħek, Joe, kemm fuq livell personali li aċċenajt għalih fil-bidu kif ukoll billi sibt is-sinerġiji meħtieġa bejn il-kultura, l-arti u responsabbiltajiet diversi li inti dħalt għalihom, tajt u qed tagħti xhieda favur dak li għallimna l-mibki Papa Ġwann Pawlu II. Nikkwota mill-kapitlu, ‘Nation and Culture’ fil-ktieb tiegħu, ‘Memory and Identity’ fejn jirreferi għall-messaġġ li kien ta lill-UNESCO fuq ir-rwol tal-kultura fil-ħajja tan-nazzjonijiet u jerġa’ jafferma:
“Man lives a really human life thanks to culture.... Culture is a specific way of man’s ‘existing’ and ‘being’... culture is that through which man, as man, becomes more man, ‘is’ more. The nation is, in fact, the great community of men who are united by various ties, but above all, precisely by culture.”
L-aħħar inkarigu pubbliku li Joe aċċetta li jaqdi huwa dak li jservi bħala Chairman tan-‘National Euro Changeover Committee’. Tifhmu mill-ewwel li dan huwa inkarigu li biex taqdih tajjeb trid f’persuna waħda tgħaqqad flimkien il-kwalitajiet ta’ integrita’ personali biex tispira fiduċja, kapaċita ta’ ‘change management’ fuq skala nazzjonali u sensittiva, kif ukoll sens korrett ta’ kif tikkomunika ma’ u tinforma lill-pubbliku in ġenerali kif ukoll lil setturi speċifiċi u ‘decision makers’ – fi ftit kliem inkarigu ieħor li qisu kien maħluq għal Joe. Jippermittili ngħidlu li dan l-inkarigu diġa’ qed iwassal biex diversi jibdew jirreferu għalih bħala l-‘Mr Euro’ ta’ Malta u jekk bil-Malti, ikun hemm min irid igħidlu ‘Is-Sur Ewro’ ma naħsibx li se jieħu għalih, għax jekk nista’ nasal biex nagħlaq bi kwotazzjoni oħra mill-introduzzjoni li għamilt għall-ktieb ‘Jien’ maħruġ minn Zahra fl-1973: “Karatteristika ta’ Zahra hija l-flessibilitita’ ta’ l-ilsien li juża. Kliem Ingliż ma’ kliem Taljan flimkien mal-kliem Malti joħorġu spontanjament mill-pinna ta’ Zahra....... Il-kelma Zahra jħaddimha hu u mhux kontra!”
Biex nagħlaq inżid biss kelma waħda: Grazzi Joe. Grazzi ta’ kull ma għamilt ma’ pajjiżek s’issa u ta’ kull ma għad trid tagħmel. Is-Soċjeta’ Maltija għall-Arti, Manifattura u Kummerċ żgur li fik qed tagħmel għażla denja. L-għoti lilek tal-Midalja tad-Deheb għas-sena 2005 huwa mezz ieħor kif is-soċjeta’ tagħna jkollha simbolu ħaj ta’ dak li għandha taspira għalih u ta’ dak li kapaċi tilħaq.
Stqarrijiet Oħra:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951