Left arrow Mur Lura

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi

pr0209
Date Icon 13/02/2006

Il-Ministeru għall-Kompetittivita’ u l-Komunikazzjoni (MCMP), permezz tad-Direttorat għal-Prodotti Industrijali u tal-Konsumatur ta’ l-Awtorita’ Maltija dwar l-Istandards, qed iniedi dan id-Dokument ta’ Konsultazzjoni (ICD 04/2006) dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi(COM (2005) 457). 

Il-preżenti Proposta għal Direttiva hi intiża sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet biex l-oġġetti pirotekniċi jitqiegħdu fis-suq u jintużaw fl-UE billi jiġu armonizzati r-rekwiżiti essenzjali.  

L-għan se jkun li jiġu ntrodotti r-rekwiżiti minimi ta’ sikurezza biex iħarsu lill-pubbliku ġenerali u lill-utenti professjonali, filwaqt li jneħħu jew jevitaw l-ostakli għall-kummerċ u ma jħallux li jkun hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni minħabba sistemi regolatorji diverġenti. L-attenzjoni prinċipali għalhekk qiegħda fuq il-ħarsien ta’ l-utenti, filwaqt li jittejbu l-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern.

Għall-finijiet ta’ din il-Proposta għal Direttiva:

·     'Oġġett pirotekniku' tfisser kull oġġett li fih sustanzi jew taħlitiet ta’ sustanzi mfassla biex jipproduċu sħana, dawl, ħoss, gass jew duħħan jew taħlita ta’ dawn l-effetti permezz ta’ reazzjonijiet kimiċi eżotermiċi sostnuti minnhom infushom, kemm għad-divertiment kif ukoll għal finijiet oħra.

·    ‘Tqegħid fis-suq’ tfisser l-ewwel tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq tal-Komunità ta' prodott individwali intenzjonat għall-użu aħħari, biex jitqassam u/jew jintuża, kemm bi ħlas kif ukoll b’xejn.

·     ‘Logħob tan-nar’ tfisser oġġett pirotekniku għad-divertiment.

·     ‘Oġġett pirotekniku awtomotiv’ tfisser oġġetti li jkun fihom sustanzi pirotekniċi li jintużaw biex jattivaw tgħamir tas-sikurezza jew tagħmir ieħor f’vetturi bil-mutur.

·     ‘Manifattur’ tfisser il-persuna naturali jew legali li tiddisinja u/jew timmanifattura prodott kopert minn din id-Direttiva, jew li tqabbad lil min jiddisnja u jimmanifattura prodott bħal dan, bil-ħsieb li jitqiegħed fis-suq, jew għall-użu professjonali jew privat tagħha, taħt isimha jew bi trejdmark tagħha; jew tqiegħed fis-suq prodott kopert b’din id-Direttiva taħt isimha jew bi trejdmark tagħha. 

Minħabba l-fatt illi l-Istati Membri qed ikunu obbligati sabiex ‘jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-oġġetti pirotekniċi li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva preżenti jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jikkonformaw ma’ l-obbligi ta’ din id-Direttiva, ikollhom il-marka CE, u jikkonformaw ma’ l-obbligi relatati mal-valutazzjoni tal-konformità’, dan ikun ifisser illi, sakemm il-proposta ma tkunx adattata matul id-diskussjonijiet li ġejjin fil-Kunsill, saħansitra anke l-logħob tan-nar tradizzjonali li jinħaraq fil-festi tagħna ikun irid jibda jiġi manifatturat skond standards EN armoniżżati Ewropej, ikun sottomess għall-valutazzjoni tal-konformita’ kif preskritta bl-intervent tal-korp notifikat u ttimbrat bil-marka CE, qabel ma jitpoġġa fuq is-suq.

Għaldaqstant, permezz tar-Rappreżentanza Permanenti tagħha fi Brussell, f’Mejju ta’ l-2005, Malta ssotomettiet lill-Kummissjoni Ewropea talbiet għall-kjarifika u emendamenti neċessarji biex tkun evitata din is-sitwazzjoni. 

Fuq livell lokali, matul il-ġimgħat li għaddew, l-MCMP kellu diskussjonijiet siewja ħafna mal-Kumitat ta’ l-Isplussivi u mal-Kumitat ta’ l-Għaqda Piroteknika Maltija.

Fuq livell Ewropew, l-impatt ta’ din l-armoniżżazjoni teknika fuq is-setturi tal-logħob tan-nar kif ukoll fuq is-sistemi li jrażżnu lill-okkupant ta’ mezz awtomotiv huwa mistenni li jkun pożittiv.  Fil-każ tal-logħob tan-nar, huwa mistenni li din twassal għal tnaqqis konsiderevoli fl-ispejjeż, minħabba li valutazzjoni waħda għall-konformità CEse tieħu post sa 25 proċedura ta’ approvazzjoni parallela.  Il-benefiċċji ewlenin għalhekk huma: it-tnaqqis tal-piżijiet fuq l-intrapriżi permezz ta’ sistema ta’ approvazzjoni armonizzata biex l-oġġetti pirotekniċi jitqiegħdu fis-suq, flimkien mal-ħolqien ta’ suq wieħed aċċessibli saħansitra wkoll għall-operaturi ekonomiċi Maltin, u ta’ livell għoli ta’ ħarsien għall-konsumaturi.

Il-Konsultazzjoni tagħlaq nhar il-15 ta’ Marzu, 2006.

Noti lill-edituri:

Kopja tad-Dokument inizzjali ta’ Konsultazzjoni (ICD 04/2006), illi tinkludi informazzjoni ulterjuri, kif ukoll tal-Proposta (COM (2005) 457) jinsabu f’ http://www.msa.org.mt

Dawn il-prodotti huma mistennija li jintlaqtu minn din id-direttiva: 

·        Logħob tan-nar;

·        Kimiċi li jintużaw waqt il-manifattura tal-logħob tan-nar; u

·        sistemi li jrażżnu lill-okkupant ta’ mezz awtomotiv.

Kwalunkwe kontribuzzjonijiet bil-miktub għandhom jaslu għand id-Direttorat għall-Prodotti Industrijali u tal-Konsumatur ta’ l-MSA sal-15 Marzu 2006 permezz tal-posta fl-indirizz illi ġej:

Awtorita’ Maltija Dwar l-Istandards
(Attn: Kap – Direttorat għall-Prodotti Industrijali u tal-Konsumatur)
It-Tieni Sular, Binja Evans, Triq il-Merkanti, Valletta, VLT 03; jew
fax: 2124 2406; jew
e-mail: anthony.camilleri@msa.org.mt; joseph.micallef@msa.org.mt; linda.worley@msa.org.mt

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow