Ħidma biex il-Karnival jinferex aktar fil-pajjiż kollu
Il-Karnival ġie organizzat għall-ewwel darba f’Malta fl-1535. L-ewwel Karnival li nbidel f’ferħ ġenerali kien dak tal-1560 meta Armada kbira minn pajjiżi Insara nġabret fil-port ta’ Malta qabel ma salpat lejn Tripli. Il-Gran Amirall ħalla lin-nies kollha li kellu abbord jinżlu l-art u l-Gran Mastru La Vallette ta permess li jintlibsu l-maskri. Il-Karnival, li daħal fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, baqa’ jiġi organizzat kull sena.
Illum il-Karnival hu parti mill-folklor ta’ pajjiżna, hu ukoll parti mill-kalendarju kulturali. Il-Karnival hu wkoll arti għaliex min jaħdem il-karrijiet trijonfali, il-maskri u l-maskaruni huwa artist. Kif huma artisti dawk li jħitu l-kostumi u dawk kollha li jieħdu sehem fil-kumpanniji taż-żfin li tant iżidu mal-briju u l-kulur tal-jiem tal-Karnival.
Fl-isfilata tal-Karnival ta’ din is-sena se jipparteċipaw 37 bejn baned, karrijiet trijonfali, maskeruni u kumpanniji bil-kostum. Għall- 11-il sena konsekuttiva Charles Axisa qed jerġa’ jaħdem u jtella’ r-Re tal-Karnival. Se jieħdu sehem il-baned tal-Għaqda Mużikali Maria Assunta ta’ Ħal Tarxien u tas-Soċjeta’ Filarmonika ‘La Vittoria’ tal-Mellieħa. Se jkun hemm ħames settijiet ta’ maskeruni; 14-il karru trijonfali u 15-il kumpannija bil-kostum.
Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech ħabbar li din is-sena ser tingħata ħajja ġdida lill-mużika li takkompanja d-danza tradizzjonali tal-parata. Hu qal li bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, sar ‘score’ ġdid li jersaq ferm lejn l-għeruq tradizzjonali taż-żmien meta kienet introdotta l-Parata fil-Karnival. Hu qal li dan l-iscore sar mill-magħruf kompożitur u riċerkatur mużikali fil-qasam folkloristiku, Ruben Zahra.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din is-sena, l-Karnival kien se jiġi organizzat mill-24 sat-28 ta’ Frar. Hu qal li dawn il-festi kienu jiġu organizzati mill-Kumitat Karnival tal-Kummissjoni Nazzjonali Folklor fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. Din tibda taħdem mill-għada li jintemm Karnival biex dan ikun dejjem aħjar.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li bħala riżultat tal-ħidma ta’ dan il-Kumitat, kien ta’ pjaċir jinnota li din hi l-ewwel sena, wara tant snin, li tista’ tgħid hemm parteċipazzjoni sħiħa fis-sezzjonijiet kollha tal-kompetizzjonijiet, bl-unika eċċezzjoni l-konkors tal-baned. Hu qal li dan jikkonferma li s-sistema tal-klassifikazzjoni għall-parteċipazzjoni minn sena għall-oħra qed toħloq ċertu interess u tiġġenera kompetizzjoni f’kull kategorija. Hu qal li kien ta’ sodisfazzjon li f’Sezzjoni C, jiġifieri dik tal-Kumpanniji tat-Tfal, għandna erba’ kumpanniji. Dan jagħti sinjal li l-futur tal-Karnival hu wieħed inkorraġġanti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kienet qed issir ħidma biex tinqata’ darba għal dejjem l-idea li l-Karnival isir biss għal dawk li jkunu fl-‘enclosure’ f’Misraħ il-Ħelsien. Hu qal li din is-sena se jkun hemm ġurija separata biex tiġġudika l-atmosfera karnivaleska u l-brijju li kull parteċipant joħloq matul id-defilè fit-toroq tal-belt Valletta. Hu qal li b’hekk qed nippruvaw noħorġu dik l-atmosfera ferrieħa li sfortunatament tant naqset f’dawn l-aħħar snin.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li għat-tieni sena konsekuttiva il-Kunsill Lokali San Ġiljan u l-Kunsill Lokali Ħal Qormi qed jorganizzaw attivitajiet tal-Karnival fil-lokalitajiet tagħhom fuq skala pjuttost kbira u b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni Nazzjonali Folklor. Hu qal li hemm lokalitajiet oħra u għaqdiet li qed jorganizzaw diversi attivitajiet għal dawn il-ġranet. Hu awguralhom li jkabbru dawn l-attivitajiet għal dawn il-jiem.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien hemm kumpanniji privati li ser jorganizzaw ballijiet tal-Karnival fuq bażi tradizzjonali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-livell tal-Karnival f’pajjiżna kien wieħed għoli. Hu fakkar li dan kien rikonoxxut mill-Federazzjoni tal-Ibliet Ewropej tal-Karnival li matul is-sena li għaddiet għażlu li jorganizzaw il-25 Konvenzjoni Internazzjonali tagħhom fin-Nadur Għawdex bejn il-Ħadd 29 ta’ Mejju u s-Sibt 4 ta’ Ġunju, 2005.
Hu fakkar fis-suċċess kbir ta’ din il-Konvenzjoni fejn id-delegati kellhom l-opportunita’ li mhux biss isegwu l-Karnival fin-Nadur b’rappreżentazzjonijiet mill-istess lokalita’ u minn lokalitajiet oħra f’Malta u Għawdex, iżda anke kellhom ċans jaraw x’joffri pajjiżna mil-lat ta’ storja, arti, kultura, folklor u divertiment. Francis Zammit Dimech qal li dik il-Konvenzjoni serviet ta’ vetrina għal dak kollu li joffri pajjiżna. Irringrazzja lil dawk kollha li matul is-sena kollha jaħdmu biex jibnu karrijiet artistiċi, maskri u maskeruni. Hu qal li dawn kienu jsibu l-għajnuna ta’ qraba u voluntieri, li hi apprezzata għaliex mingħajrha ma jsir ebda Karnival.
“Min-naħa tagħna ngħidulhom grazzi mill-qalb. Komplu uru l-kapaċitajiet u t-talenti tagħkom kif ilkom tagħmlu tul dawn l-aħħar snin, għaliex huwa intom li tagħmlu l-Karnival,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li rringrazzja wkoll lil Kunsill Lokali tal-belt Valletta tal-kooperazzjoni sħiħa li dejjem ta fl-organizazzjoni tal-Karnival, lill-Korp tal-Pulizija li jieħu ħsieb l-ordni u s-sigurta’ u lil dawk l-organizzazzjonijiet kollha li b’xi mod jew ieħor igħinu bis-servizzi li jagħtu. Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-isponsors li bl-għajnuna tagħhom il-Kummissjoni li tieħu ħsieb torganizza l-Karnival ingħatat nifs finanzjarju li jikkontribwixxi biex ikun jistgħu jiġu organizzati l-festi tal-Karnival.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li l-Karnival kien ukoll attrazzjoni turistika u li dan kien jikkontribwixxi biex lit-turisti jagħtihom dik l-esperjenza ta’ pajjiżna li ħafna pajjiżi oħra m’għandhomx. Hu qal li l-Karnival hu llum parti mill-kalendarju turistiku u għalhekk kien xieraq li fl-organizazzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival inżommu wkoll quddiem għajnejna l-kontribut qawwi li t-turiżmu jagħti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951